Kumpanija se tirdoppja donazzjonijiet għal riċerka dwar kundizzjonijiet tat-tfal

Mart il-Prim Ministru, Dr Lydia Abela, faħħret l-inizjattiva li ħa stabbiliment f’Burmarrad biex jiġbor donazzjonijiet u jirdoppja l-valur tagħhom bil-għan li jintużaw għar-riċerka fl-Universita ta’ Malta dwar kundizzjonijiet mediċi li jaffetwaw it-tfal.

“Be a child’s superhero” hija kampanja mmexxija mill-fond tar-riċerka tal-Universita ta’ Malta, RIDT, biex jinġabru flus fi stabbilimenti kummerċjali għar-riċerka speċjalizzata dwar kundizzjonijiet li jaffettwaw lit-tfal.

Waqt iż-zjara fil-ġonna ta’ Piscopo, Dr Abela qalet li inizjattiva bħalma ħa dan l-istabbiliment għandha sservi ta eżempju għal kumpaniji oħra.

“L-ewwelnett għaliex nemmen ħafna li għandna nagħtu l-appoġġ tagħna li r-riċerka ssir ġewwa pajjiżna u t-tieni nett għax tolqot lit-tfal. U nemmen li t-tfal tagħna għandna nagħtuhom kull opportunità u noffrulhom kwalità tal-ħajja mill-aqwa. Sal-lum il-ġurnata għad hemm ċertu kundizzjonijiet mediċi li għalihom ma għandnix soluzzjoni għalihom u allura s-soluzzjoni għandha tkun ir-riċerka. U l-istudju juru li pajjiżi li jinvestu fir-riċerka jagħtu kwalità ta’ ħajja aħjar u jkollu soċjetà aktar b’saħħitha”.

Wilfrid Kenely, mill-Università ta’ Malta, ħeġġeġ aktar kumpaniji u lill-pubbliku biex ikomplu jgħinu lir-riċerkaturi tal-Università.

Huwa qal li dawn qed jaħdmu fis-skiet biex itejbu l-kwalità tal-ħajja tat-tfal u żied li l-involviment tal-komunità min-negozjanti jkompli jsaħħaħ din l-inizjattiva fl-interess tat-tfal li huma l-futur tal-pajjiż

Vinny Piscopo qalet li l-kumpanija li taħdem magħha ħadet din l-inizjattiva għax il-kampanja timxi mal-valuri tagħhom.