COVID-19
Kumpanija ta’ ride-sharing tgħin lill-Caritas twassal l-ikel lill-vulnerabbli

Il-kumpanija ta’ ride-sharing Cool issieħbet ma’ Caritas biex f’dawn iż-żminijiet ta’ sfida tappoġġja lil din l-organizzazzjoni tal-Knisja u lit-tim dedikat ta’ voluntiera tagħha biex twassal l-ikel lill-akbar membri vulnerabbli tas-soċjetà.

Madwar 750 ikla ta’ solidarjetà qed jitwasslu kuljum minn Caritas lil familji differenti madwar il-pajjiż li qed ibatu biex ilaħħqu mal-ħajja f’dawn iż-żminijiet.

Hekk kif il-pandemija preżenti qed tagħmel il-ħajja aktar diffiċli milli kienet għal dawk l-aktar vulnerabbli, il-voluntiera ta’ Caritas iħejju ikliet ġenwini u bil-qalb f’ħames ċentri f’Ħal Balzan, Bormla, Iklin, Marsaskala u l-Qawra.

Cool tgħin lill-Caritas billi twassal uħud minn dawn l-ikliet lill-familji fil-lokalitajiet tal-madwar.