Lokali
Kumpanija tal-assigurazzjoni ordnata tħallas €8,500 wara li rrifjutat ‘claim’ ta’ sewwieq li qabditlu l-Mercedes

L-Arbitru Finanzjarju ordna lill-kumpanija tal-assigurazzjoni Citadel Insurance tħallas €8,500 lil sid ta’ Mercedes C. Class wara li rrifjutat talba li għamlilha biex tikkumpensah għall-ħsara li ġarrab meta l-karozza ħadet in-nar għall-għarrieda f’Mejju tas-sena l-oħra.

Is-sid ilmenta li l-kumpanija ma laqgħetx il-claim għax il-ħruq beda mill-catalyser u li skontha qatt ma kien għamillu service. Qalet li dan wassal biex qabbad il-parts ta’ madwaru u n-nar infirex mal-karozza kollha.

Madankollu qalulu li għax kien klijent tajjeb, fejn kellu 11-il karozza assigurati magħhom, kienu lesti li jagħtuh €6,000 ex gratia. Min-naħa tiegħu, is-sid irrifjuta din l-offerta għax sostna li l-catalyser ma jistax isirlu service għax huwa ssiġillat u jinbidel wara li jkun serva għal madwar 160 kilometru. Huwa żied jgħid li l-kumpanija tal-assigurazzjoni talbitu xi ħaġa li qatt ma seta’ jagħtiha sabiex tevita l-claim.

Fix-xhieda tiegħu, is-sid tal-karozza ressaq bosta provi konkreti li bihom wera li kien jieħu ħsieb sew tal-karozza tant li s-surveyor xehed li l-karozza li kien jaraha kull sena, kienet f’kundizzjoni eċċellenti.

Fid-deċiżjoni tiegħu, l-Arbitru Finanzjarju Dr Reno Borg qal li wieħed ma jistax ilum lis-sid tal-karozza li ma kienx qed jaqdi dmiru meta kien qed jieħu l-karozza għas-service regolarment għand mekkanik. Huwa żied jgħid ukoll li mhux raġonevolment mistenni li s-sid jibqa’ jieħu l-karozza tiegħu għas-service għand l-importatur li kif irriżulta f’dan il-każ, is-servizz tiegħu jkun ogħla fil-prezz. Qal li kieku kulħadd jieħu l-karozza tiegħu għand l-aġent, kieku kull sid irid jagħmel żmien twil jistenna biex isirlu service. Sostna li l-kumpanija tal-assigurazzjoni ma ġabet ebda prova li l-mekkanik tas-sid ma kienx kompetenti biex jagħmel service tajjeb tal-karozza.

L-arbitru qal li s-sid qeda l-obbligui tiegħu li jieħu l-karozza għas-service regolarment u l-karozza kienet f’kundizzjoni eċċellenti tant li l-kumpanija tal-assigurazzjoni dejjem straħet fuq ir-rapport ir-rapport tat-tekniku mqabbad mis-sid. Sostna li dak li seħħ ma setax jipprevedih u ma jirriżultax li għamel xi ħaġa mhux flokha li għandu jintefa’ t-tort fuqu kif allegat il-kumpanija tal-assigurazzjoni.

Qal li l-catalyser kellu jinbidel wara 160 km…. kilometraġġ li l-karozza ma kinitx laħqet u għalhekk tenna li ma kien hemm ebda negliġenza. Żied li wieħed irid japprezza wkoll li s-sid, li nħarqitlu l-karozza kienet telfa psikoloġikament kbira għalih għax kienet qisha l-“baby” tiegħu.

Fid-deċiżjoni tiegħu, l-Arbitru kkonkluda li l-ilment kien ġust, ekwu u raġonevoli u ordna lill-kumpanija tal-assigurazzjoni tħallsu s-somma ta’ €8,500.