Kumpaniji
Kumpanija tal-farmaċewtika tiftaħ f’Malta biex tipproduċi mediċina relatata mat-trattament tal-COVID-19

Kumpanija tal-farmaċewtika se tibda topera minn Malta biex tipproduċi mediċina f’forma ta’ likwidu biex jintuża bħala parti mit-trattament għall-Covid.

Il-binja ġiet inawgurata llum mill-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostennibbli, fil-preżenza ta’ diversi membri tal-kumpanija Iżraeljana li se tkun qed tinvesti wkoll f’impjanti oħra għall-prodotti tal-kannabis mediċinali.

L-idea kienet li jiġu Malta sabiex jimirħu fl-industrija relattivament ġdida tal-kannabis mediċinali, iżda bid-dinja pparalizzata bil-virus tal-Covid, bħal maġġor parti tal-industrija farmaċewtika, tefgħu ħarsithom fuq żviluppi ġodda biex jingħeleb il-virus. Wara xhur ta’ riċerka, MCG Pharma ħarġet bill-prodott cimetra, f’forma ta’ likwidu, li issa wara li bbenefikaw minn għajnuna mogħtija mill-Malta Enterprise se jibda jsir ġewwa Malta minn impjant ġdid ġewwa Ħal Far.

Wieħed mill-fundaturi tal-kumpanija, Nativ Segev, qal ma’ dan l-istazzjon li l-impjant se jiġġenera 20,000 dożi ta’ din il-mediċina. Huwa qal li din il-mediċina tista’ tiġġieled ukoll varjanti ġodda tal-Covid.

“Cimetra is a mini modial working on immune systems and working confined. The most fatal part of the covid, that makes cimetra, which means it could work with most variants of the virus, it must. And I must say scaling up the operations here in Malta is the most important thing for our operations,” spejga s-Sur Segev.

F’diskors li sar qabel l-inawgurazzjoni, il-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli, Miriam Dalli, qalet li huwa ta’ unur li din il-kumpanija rinomata għażlet lil Malta biex tespandi fil-produzzjoni tagħha. Qalet li b’hekk se jinħolqu mal-20 impjieg ġdid. Maċ-ċentru tal-aħbarijiet fissret li dan l-impjant għandu s-saħħa li jitfa’ lil Malta fuq il-mappa għall-produzzjoni ta’ mediċini kontra l-covid.

“Ikun qed ipoġġi lil Malta fuq il-mappa, u dik għalina hi importanti. Iż-żmien kien ta sfida għal kulħadd, u nieħdu gost li f’dak iż-żmien ta’ sfida għandna kumpaniji Maltin li jistgħu jagħtu soljev f’dan iż-żmien diffiċli,” qalet il-Ministru Dalli.

Il-Ministru Dalli żiedet li tħares ‘il quddiem sabiex jiġi inawgurat l-impjant tal-istess kumpanija, li iżda se jiffoka fuq prodotti magħmula mill-kannabis għal skopijiet mediċinali.

Is-Segretarju Parlamentari Deo Debattista faħħar l-Aġenzija Maltija tal-Mediċini għall-ħidma tagħha, li żżewġet l-għarfien akkademiku mal-industrija sabiex dan l-investiment sar realtà.