Lokali
Kumpanija tal-igaming tiftaħ il-kwartieri ġenerali f’Malta u se timpjega 150 ħaddiem ġdid

Kumpanija fil-qasam tal-igaming għażlet lil Malta biex tibbaża l-kwartieri ġenerali tagħha u qed tintrabat li sal-aħħar tas-sena d-dieħla toħloq 150 impjieg ġdid. Bħalissa l-grupp PressEnter jimpjega f’Malta 100 persuna; kwart minnhom Maltin.

Il-grupp ta’ kumpaniji fl-industrija tal-gaming, PressEnter, kompla jkabbar l-operat tiegħu f’Malta tant li rriloka l-kwartieri ġenerali tiegħu hawnhekk, f’binja ta’ sitt sulari fil-qalba ta’ Tas-Sliema.

Il-Kap Eżekuttiv, Lahcene Merzoug, qal li l-grupp ilu jopera minn Malta tliet snin u żied il-ħaddiema b’erba’ darbiet biex illum jimpjega 100 persuna, kwart minnhom huma Maltin. Qal, li fil-pjani tal-grupp hemm li sa tmiem is-sena d-dieħla jimpjega mal-150 impjegat ieħor.

“Malta has a strong presence of igaming, since a long time ago, and now when we started to look around at different jurisdictions and benching them against each other, it is a talent pool in Malta on this island for our sector that is unbeatable today. So if we wanted to recruit people, Malta was the best for us. That coupled with a great support system for the industry also having close relationship with the regulator that regulates our industry, the MGA.”

Il-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija Silvio Schembri qal li minkejja l-isfidi li għandu l-pajjiż fosthom il-pandemija u biex ineħħi ‘l Malta minn fuq il-lista l-griża tal-FATF, il-Gvern baqa’ jaħdem biex jattira investiment ġdid.

“Il-fatt li PressEnter Group għażlu lil pajjiżna minn ġurisdizzjonijiet oħra u għamlu l-headquarters f’pajjiżna, f’binja kbira fiċ-ċentru ta’ Tas-Sliema mifruxa fuq sitt sulari, u l-fatt li se jkabbru b’żieda ta’ 150 persuna oħra, qed nuru messaġġ ċar li Malta hija attraenti għan-negozju u se tibqa’.”

Qal, li l-fatt li kwart tal-ħaddiema huma Maltin ikompli jinkoraġixxi lill-Gvern biex jinvesti fl-edukazzjoni u jassigura li Malta tkabbar it-talent tagħha f’dan is-settur.

Il-Ministru Schembri qal ukoll li l-Gvern għaddej b’ħidma u jinsab fil-proċess li jattira venture capital funds biex isir investiment speċifiku fl-iżvilupp tal-video games.