Lokali
Kumpanija tal-ivvjaġġar tispiċċa bejn il-basla u qoxritha intortament

Kumpanija tal-ivvjaġġjar Platinum Travel spiċċat vittma intortament wara l-allegati frodi kontra l-klijenti ta’ kumpanija oħra bl-isem ta’ Platinum International. Sid il-kumpanija, li wkoll għandha l-uffiċċji fil-Mosta, qal li mindu faqqa’ l-każ, spiċċa insulentat u tilef ħafna negozju intortament. Id-Direttur Ġenerali tad-Dipartiment tal-Kummerċ Godwin Warr qal lil TVM li problemi bħal dawn jiġu evitati meta l-kumpaniji jirreġistraw it-trademark tagħhom mad-Dipartiment u b’hekk anke ismijiet viċin fil-istess ġeneru ta’ negozju ma jkunux jistgħu jintużaw minn ħaddieħor.

Paul Cortis, is-sid tal-kumpannija Platinum Travel qal lil TVM li jinsab iddispjaċut immens li l-kumpanija tiegħu qed issofri konsegwenzi tal-frodi li allegatament twettqu minn kumpanija oħra li ġġib l-istess isem u li taħdem ukoll fil-qasam tal-ivvjaġġar u nzerta li għandha l-uffiċini tagħha fil-Mosta. Is-Sur Cortis qal l-isem kważi l-istess bejn il-kumpanija tiegħu Platinum Travel u l-kumpanija Platinum International li ġiet implikata fi frodi ħolqot konfużjoni fl-imħuħ tal-klijenti.

Paul Cortis qal “ħsara saret minħabba l-isem..il-ħsara ssir għax fejn hemm l-istess, Platinum, in-nies jaħsbu li konna aħna li għamilna frodi ssejħilhom li trid, aħna ma nagħmluhomx, aħna serji ħafna fix-xogħol tagħna”.

Is-sur Cortis qal li mhux biss tilfu ħafna negozju iżda wkoll sofrew tgħajjir inġustament.

Madankollu dil-kunfużjoni fuq l-isem setgħet ġiet evitata. Id-Direttur Ġenerali tad-Dipartiment tal-Kummerċ Godwin Warr qal li mingħajr ma jidħol fil-mertu tal-każ, kieku kumpanija tkun irreġistrat it-trademark tagħha mad-Dipartiment jew inkella mal-Uffiċċju tat-trademarks Ewropej kien ikun hemm livell ta’ protezzjoni biex ma tinħolqox taħwida bħal din.

Godwin Warr qal “aħna meta nsibu li hemm waħda identika jew simili ninfurmaw lill-applikant li ma nistgħux nirreġistrawha jekk ma ġġibx il-kunsens tal-persuna l-oħra reġistrata magħna.”

Is-Sur Warr qal li f’Malta hawn 22,000 trade mark irreġistrata li nofshom huma Maltin. Is-Sur Warr qal li r-reġistrazzjoni tat-trade marks tista’ saħansitra ssir online permezz tas-sit www.commerce.gov.mt