Qorti
Kumpanija tal-kompjuters ordnata tirrifondi eluf ta’ ewro lil sidien ta’ ħwienet tal-ħelu

Il-kumpanija Intercomp ġiet ordnata mill-Qorti biex tirrifondi eluf ta’ ewro lil sidien ta’ ħwienet tal-‘confectionery’ minħabba li s-sistema tal-informatika li xtraw mingħandha ma setgħetx tiġi sinkronizzata bejn iż-żewġt iħwienet.

Is-sidien ta’ Gamblu Confectionery fiż-Żejtun u f’Ħaż-Żabbar qalu li xtraw sistema mingħand l-Intercomp li permezz tagħha ż-żewġt iħwienet kellu jkollhom l-istess ‘database’ f’dak li jirrigwarda l-prodotti u l-prezzijiet. Ġara iżda li wara li s-sistema nxtrat, iż-żewġ databases ma setgħux jitwaħħdu.

Min-naħa tagħha, rappreżentanta tal-kumpanija Intercomp ċaħdet li kienet biegħet is-sistema fuq il-premessa li ż-żewġt iħwienet se jkunu ‘synced’, bħal ma s-sidien allegaw. Skont is-sidien, il-ftehim fuq din it-tip ta’ sistema kien wieħed verbali.

Il-Qorti, ippreseduta mill-Imħallef Grazio Mercieca, qalet li għandha quddiemha żewġ verżjonijiet konfliġġenti, iżda meta qieset il-provi, iddeċidiet li l-verżjoni ta’ sidien il-ħwienet kienet leġittima. Qalet li dan jixhduh ħaddiema tal-ħwienet, kif ukoll rapporti tekniċi mill-kumpanija stess li jitkellmu dwar problemi ta’ sinkronizzazzjoni.

Żiedet li, skont is-sidien, huma kellhom jixtru sistema oħra mingħand kumpanija differenti, waqt li l-hardware tas-sistema tal-Intercomp poġġewha f’kaxxa u bagħtu ittra uffiċjali lill-kumpanija. Il-Qorti qalet li dan kollu juri li huma ma aċċettawx il-prodott, anki jekk ma ddepożitawhx fil-Qorti.

Madanakollu, fuq l-ispejjeż allegati li ġew sofferti mis-sidien, fosthom €13,000 għal sistema ġdida, kreditu li taw lill-klijenti kollha fuq ‘loyalty cards’, u spejjeż tekniċi, il-Qorti qalet li ma tressqet l-ebda prova.

Għal din ir-raġuni l-Qorti ordnat lill-Intercomp biex tirrifondi lis-sidien ta’ Gamblu Confectionery €6,466 akkont tal-prezz li bih xtraw is-sistema mingħandha.