Aġġornat – kumpanija taż-żejt u pompa fir-Rabat kisru l-liġi fuq il-prezz tad-diesel

diesel

L-Awtorità għall-Kompetizzjoni u d-Drittijiet tal-konsumatur ikkonkludiet li l-kumpanija San Lucian Oil, fi ħdan Falzon Group, u l-pompa tal-Petrol M&N Camilleri tar-Rabat, kisru l-liġi tal-kompetizzjoni.  Il-każ imur lura għal Jannar tas-sena l-oħra meta s-sid tal-pompa tal-petrol reġġa’ lura r-roħs ta’ żewg ċenteżmi-il litru fid-diesel li xtara minn operatur privat minħabba pressjoni li saret fuqu mill-istess operatur.

Mill-investigazzjoni li saret l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni sab li sar dan il-ftehim illegali bejn iż-żewġ partijiet biex il-prezz tad-diesel jinżamm fiss skont kif kien qed jinbiegħ mill-Enemed. Ikkonkluda li dan il-ftehim seħħ billi saret pressjoni mill-kumpanija San Lucian Oil fuq M&N Camilleri Petrol Station. Instab li l-kumpanija San Luċjan riedet tnaqqas il-marġini tal-profitt meta l-pompa bdiet tbiegh bi prezz irħas lill-konsumatur.

Sid il-pompa ċeda għal din il-pressjoni billi reġa’ għolla l-prezz lura għal €1.35 għal kull litru ta’ diesel, li kien il-prezz iffissat għal dak iż-żmien mill-kumpanija Enemed. Id-direttur ġenerali fl-uffiċċju tal-kompetizzjoni Godwin Mangion sostna li l-ksur tal-liġi kien miż-żewġ partijiet għaliex tal-pompa naqas li jinforma lill-Awtorita bil-pressjoni li kienet qed issirlu.

Godwin Mangion spjega hekk is-sitwazzjoni: “Il-ksur min-naħa ta’ Camilleri hu li għalkemm kien taħt pressjoni, wasal taħt arranġament jew iddeċieda li jerġa’ jgħolli l-prezz u hemm kien il-ksur. Li tkun taħt pressjoni mhux skuża tajba biex int tkun eżentat mill-att ta’ kompetizzjoni.”

Mistoqsi minn Television Malta x’se jiġri wara din id-deċiżjoni, is-Sur Mangion qal li l-uffiċċju m’għandu l-ebda poter jieħu azzjoni minħabba sentenza li ngħatat mill-Qorti dal-aħħar. “Peress li kien hemm deċiżjoni fil-Qorti Kostituzzjonali fejn l-uffiċċju ma jistax joħroġ multi imma deċiżjoni biss, sakemm isiru emendi, f’dak il-każ hemm inkunu nistgħu nieħdu deċiżjoni jew il-Qorti timponi multi fuq min ikun kiser il-liġi tal-kompetizzjoni.”

Spjega li kieku ma kienx hemm dik is-sentenza, l-uffiċċju tal-kompetizzjoni kien jimponi multa fuq il-kumpanija San Lucian Oil. “Aħna konna nistgħu nagħtu sa multa ta’ 10% tal-bejgħ li jkollu f’sena partikolari tas-sena preċedenti.”

Is-Sur Mangion qal li d-deċiżjoni tagħhom fuq San Luċian Oil u l-pompa tal-petrol tar-Rabat tista’ tiġi appellata.