Lokali
Kumpaniji li jħaddmu studenti tal-ICT se jingħataw lura tliet kwarti tal-paga

Mat-350 student li qed jistudjaw suġġetti marbuta mat-teknoloġija tal-informatika se jingħataw l-opportunità li jaħdmu matul is-Sajf biex jiksbu esperjenza ta’ xogħol.

L-hekk imsejjaħ Student Placement Programme offrut mill-Aġenzija tat-Teknoloġija tal-Informatika, il-MITA, din is-sena għandu allokazzjoni ikbar, tant li se tingħata rifużjoni ta’ 75% tal-paga tal-istudenti lill-kumpaniji privati, u se tintradd il-paga kollha lura lill-istudenti li jiġu impjegati ma’ għaqdiet mhux governattivi jew entitajiet pubbliċi.

Għat-13-il sena konsekuttiva l-istudenti li jistudjaw suġġetti tal-ICT jew suġġetti relatati ser jingħataw opportunità jiksbu esperjenza ta’ xogħol matul is-sajf. L-Istudent Programme Placement joħloq ukoll opportunità għal dawk li jħaddmu kemm biex isiru jafu x’qed toffri s-sistema edukattiva u anke għax il-Gvern ser joħroġ tliet kwarti tal-paga tal-istudenti għall-perjodu tas-sajf.

“L-employer ikun jista’ jagħmel il-vetting biex ikun jista’ jagħżel l-ahjar kandidati, jkun hemm il-placement period , 11-il ġimgħa min-naħa tal-MITA il-proċess inħallsu lura lill-employers tal-pagi lill-istudenti . Employers li ġejjin mis-settur pubbliku jitħallsu lura 100% tal-pagi kif ukoll l-għaqdiet mhux governattivi. Fis-settur privat jitħallsu 75% li jkunu ħarġu lill-istudenti,” qalet Adelaide Grixti, Senior Executive tal-MITA.

Il-Ministru ghall-Ekonomija u l-Industrija qal li din is-sena l-Gvern ser joħroġ €800,000 biex madwar 350 student jingħataw opportunità ta’ xogħol.

“Hawnhekk qed nallokaw ‘il fuq minn €800,000 li ser nagħtu opportunità ‘l fuq minn 350 student, fejn dawk li qed jistudjaw xi suġġett tal-IT jew relatat ser ikunu jistgħu jaħdmu bi ħlas fis-sajf . Apparti minn hekk, għax bħas-sena l-oħra hija sena ta’ sfida għan-negozji tagħna, naraw li l-għajnuna li ser inkunu qed nagħtu lin-negozji li ser jimpjegaw direttament magħhom student bi ħlas fis-sajf , ir-rimbors tagħhom flok 50% ser ikunu qed intuhom 75% tal-ħlas li jagħtu lill-istudenti.”

Iċ-Chairman Eżekuttiv tal-MITA, Tony Sultana, ħeġġeġ lill-istudenti tfajliet biex jipparteċipaw f’dan il-programm għax mill-istatistika joħroġ li 20% tal-istudenti li japplikaw huma tfajliet. Huwa qal li dan il-programm joħloq opportunità kbira għall-istudenti biex jippreparaw lilhom infushom għad-dinja tax-xogħol.

L-applikazzjoni, kemm għall-istudenti kif ukoll għal dawk li jħaddmu fetħu llum u ser jibqgħu miftuħa sad-9 t’ April. L-applikazzjonijiet jistgħu jinkisbu mis-sit elettroniku tal-MITA.