Droga
Kumpaniji se jitħarrġu mis-Sedqa biex jittrattaw problemi t’impjegati lil jabbużaw mid-droga

Iffirmat ftehim fil-prinċipju bejn l-Aġenzija Sedqa u l-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem (MEA) sabiex tkompli tissaħħaħ ir-relazzjoni bejn iż-żewġ partijiet. B’dan il-ftehim l-MEA se tkompli tgħin lis-Sedqa tippromwovi s-servizzi li toffri bl-għan li jinħoloq aktar għarfien dwar l-aġenzija.

Fi stqarrija, id-Direttur Ġenerali tal-MEA Joe Farrugia ġie kkwotat jgħid li dan huwa unur biex l-assoċjazzjoni tiffirma dan il-ftehim ma’ Sedqa. Qal li persuna li tkun għaddiet minn żmien ħażin permezz ta’ xi vizzju għandha tingħata l-għajnuna biex terġa ssib ruħha fit-triq it-tajba. Semma kif l-użu ta’ drogi b’mod rikreazzjonali qed jaffettwaw il-postijiet tax-xogħol u għalhekk min iħaddem irid ikun mħarreġ biex jittratta l-problemi mal-impjegati.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS) Alfred Grixti stqarr li l-problema tad-droga tant kibret f’Malta li saħansitra anke f’festini ta’ magħmudija qiegħda tiġi kkonsmata d-droga kokaina.  Qal li dan il-ftehim huwa l-bidu ta’ relazzjoni fit-tul fejn se jkunu qed jgħinu lil xulxin, kemm lil membri tal-MEA kif ukoll lill-impjegati tagħhom.