Lokali
Kumpaniji tal-imħatri jpoġġu lil Destiny fit-2 post

F’anqas minn erbgħa u għoxrin mindu tnieda l-video u l-kanzunetta Je Me Casse, kumpaniji ewlenin tal-imħatri qegħdin jikklassfikaw lill-kantanta Maltija Destiny fit-tieni post.

Il-kanzunetta ta’ Malta kienet id-39 waħda li ġiet aċċettata mill-European Broadcasting Unit (EBU) biex tipparteċipa fil-Eurovision Song Contest li se jittella’ f’Rotterdam f’Mejju li ġej.

Je Me Casse bdiet mill-ewwel fit-tmien post u baqgħet tiegħla kważi sal-quċċata fi ftit sigħat tant li qabżet kanzunetti bħal dik tal-Bulgarija, ta’ Franza u tal-Italja li qed jissemmew mal-ewwel għaxra.

Fil-quċċata ta’ din il-klassifika baqgħet l-Iżvizzera bil-kanzunetta Tout l’univers b’ċans ta’ 19 fil-mija li tirbaħ il-Eurovision ta’ din is-sena. Issegwi Malta bi 12% u l-Bulgarija b’9 fil-mija bil-kanzunetta Growing Up is Getting Old ta’ Victoria

Il-Belarus jinsab fil-35 post wara li l-ġimgħa l-oħra, l-EBU irrifjutat il-kanzunetta tagħhom.

Intant s’issa, il-video mużikali ta’ Destiny kellu kważi 320,000 view.

FILMAT: Titnieda ‘Je Me Casse’ ta’ Destiny