Lokali
Kunċert ieħor mit-tour tal-Orkestra Filarmonika ta’ Malta – Stuttgart

Ilbieraħ, l-Erbgħa, ħafna nies attendew il-Liederhalle ta’ Stuttgart biex isegwu t-tielet kunċert tat-tour Ewropew.

Taħt id-direzzjoni ta’ Sergey Smbatyan u bil-parteċipazzjoni tal-vjolist Amerikan David Aaron Carpenter u l-pjanist Awstrijak Ingolf Wunder, l-Orkestra Filarmonika ta’ Malta daqqet Kewn, xogħol oriġinali kkummissjonat apposta għal dan it-tour, Travel Notebook suite għall-pjanu u orkestra ta’ Alexey Shor u l-Ħames Sinfonija ta’ Tchaikovsky, xogħol ċelebri u magħruf.

Il-kunċert intlaqa’ tajjeb ħafna mill-udjenza fil-Liederhalle’s Beethoven-Saal, teatru li jesa’ 2,100 persuna u li kien ippakkjat għall-okkażjoni.

L-orkestra Maltija bdiet dan it-tour b’kunċert f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi s-Sibt li għadda, kunċert li serva wkoll bħala premier mondjali għax-xogħol ta’ Garzia qabel dan ix-xogħol indaqq ukoll fil-PhilharmonieGasteig ta’ Munich it-Tnejn li għadda.

Fi Stuttgart, il-mużiċisti tal-orkestra kellhom iċ-ċans jiltaqgħu ma’ mużiċist ieħor Malti li jinsab fuq tour fil-Ġermanja; il-vjolinist Carmine Lauri, co-leader tal-London Symphony Orchestra uguest leader tal-orkestra Maltija nnifisha. Carmine, li mexxa l-MPO waqt kunċert fit-Teatru Manoel aktar kmieni dax-xahar, se jmexxi l-London Symphony f’kunċert fi Stuttgart illejla.

L-orkestra Maltija issa telqet minn Stuttgart fi triqitha lejn Wiesbaden, belt spa, il-kapitali tal-istat Ġermaniż ta’ Hesse. Hemmhekk l-orkestra se tagħti kunċert fit-Teatru Kurhaus għada filgħaxija.

L-ispejjeż kollha tal-Eurotour tal-Orkestra Filarmonika ta’ Malta huma koperti mill-isponsorship ġeneruż tal-European Foundation for Support of Culture, organizzazzjoni li tagħti sapport regolari lill-orkestra.

Aħbarijiet Oħra
Annimali

Il-Kumitat Kontra l-Qtil tal-Għasafar (CABS) qal li fl-ewwel għodwa tal-insib diġà sabu żewġ każijiet ta’ abbuż. Fi stqarrija, il-CABS qal li membri tiegħu ġibdu l-attenzjoni tal-Pulizija li fl-Imtaħleb kien hemm…

Budget

Għada se jitħabbar it-tieni budget ta’ din il-leġislatura mill-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna. Filmat imxerred fuq il-mezzi soċjali ġie spjegat l-għan tal-Budget, li jgħolli l-kwalità tas-servizzi li joffri l-Gvern fosthom dawk tas-saħħa…

Ikel

Ħafna jiħduh bħala duwa meta jkollhom uġigħ fi griżmejhom jew għal taqlib fl-istonku, oħrajn iżiduh mal-kafè jew mat-te. Qed nirreferu għall-ġulepp tal-ħarrub li jissajjar bħal daż-żmien, hekk kif tibda toqrob…

Ġurnali

Ħarsa lejn l-istejjer ewlenin fil-ġurnali tal-lum The Sunday Times Fuq il-faċċata storja b’ritratt li tgħid li bini tal-Gvern fi Xrobb l-Għaġin li qabel kien jintuża mill-ex Prim Ministru Dom Mintoff…

Aktar