Kultura
Kunċert li żewweġ il-films u l-mużika jagħti ħajja lill-Belt Valletta

Kompliet tieħu l-ħajja l-Belt Kapitali bir-ritorn tal-kunċert live mill-Malta Philharmonic Orchestra (MPO).

Il-Ġimgħa u s-Sibt l-MPO, b’kolloborazzjoni mal-Kummissjoni Maltija tal-Films, tellgħet il-kunċert FILMUSIC li ċċelebra temi mużikali ta’ produzzjonijiet marbuta ma’ Malta u qanqal bosta memorji fost id-dilettanti Maltin tal-films.

Tema mużikali li ġġedded ħafna memorji għall-Maltin, xogħol il-kompożitur ċelebri Hans Zimmer għall-film ta’ Ridley Scott, Gladiator, li għalih fl-1999 il-Maltin bidlu Forti Rikażli fil-Kollosew ta’ Ruma.

Gladiator huwa wieħed mit-300 produzzjoni li nġibdu f’Malta, b’lista twila ta’ blockbusters u serje televiżivi.

Ir-relazzjoni artistika bejn Malta u ċ-ċinema ngħatat il-ħajja f’żewġ kunċerti mtella’ mill-Malta Philharmonic Orchestra, b’kollobarazzjoni mal-Kummissjoni Maltija tal-Films.

Fi Pjazza Teatru Rjal, l-orkestra, taħt id-direzzjoni ta’ Kevin Abela, interpretat siltiet mużikali minn produzzjonijiet li nġibdu Malta jew inkella huma relatati ma’ dawn il-gżejjer.

Minn l-Orca Assassina ta’ Ennio Morricone, li għaliha kantat mal-MPO wkoll il-kantata Dorothy Bezzina, sat-tema prinċipali tal-film Midnight Express, li nġibed kompletament ġewwa Malta fit-toroq tal-Kapitali u l-Forti Sant Iermu.

L-udjenza semgħet ukoll għall-ewwel darba t-tema mużikali tal-Malta Film Studios għall-ġejjieni, xogħol il-kompożitur Elton Zarb b’orkestrazzjoni ta’ Aurellio Belli. Din it-tema ġiet ikkumissjonata biex tixhed il-viżjoni tal-Film Studios, fejn aktar kmieni din il-ġimgħa ġiet inawgurata Pump House ġdida.

Filmusic kien ir-raba’ avveniment dan ix-xahar għall-MPO, li rritornat għall-kunċert live wara tant xhur nieqsa mit-teatri.

Madanakollu, għalkemm ma setgħetx tagħti kunċerti live, l-MPO, taħt it-tmexxija tal-Kap Eżekuttiv Sigmund Mifsud, nediet trasformazzjoni diġitali li laħqet aktar minn 16-il miljun ruħ minn 45 pajjiż differenti fi 12-il xahar.