Lokali
Kunċerti spettakolari għas-seba’ edizzjoni tal-Festival Internazzjonali tal-Orgni

Se jkun kunċert tal-orgni u l-vuċi fis-Santwarju tal-Madonna ta’ Pompei f’Marsaxlokk li jniedi l-festival internazzjonali tal-Orgni ta’ din is-sena.

Il-protagonisti huma l-mezzo-soprano Ġermaniża Felicitas Brunke li żaret Malta bl-għajnuna tal-ambaxxata Ġermaniża f’Malta li se tkun akkumpanjata minn Natalia Rakhmatulina fuq l-orgni.

Id-duo se jallegraw lill-pubbliku b’kunċert tal-ifjen mużika klassika mill-kompożituri Bach, Handel, Schubert, Dvorak u Fenech.

Il-kunċert jibda b’mużika improvizzata ddedikata lil Mascioni, b’temi mużikali mill-Antifona Beata Mater ta’ Marsaxlokk.

Natalia Rakhmatulina

Il-festival għal din is-sena qed isir f’diversi postijiet f’Malta u Għawdex u se jsir bejn l-għoxrin ta’ Novembru sar-4 ta’ Diċembru.

Se jieħdu sehem diversi mużiċisti internazzjonali u Maltin, b’interpretazzjonijiet  minn għadd ta’ kompożituri Maltin u barranin.

Se jkun hemm ukoll dedika mużikali speċjali għall-kompożitur Ludwig van Beethoven bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet minn għeluq il-250 sena mit-twelid tal-kompożitur.

Għas-Sibt, 21 ta’ Novembru, se tkun ir-Rotunda tax-Xewkija li tilqa’ lill-organist Franco Cefai mal-mużiċist fuq it-trumbetta, Jason Camilleri.

Għal dan il-kunċert se jintuża l-orgni Gallo-Farley li nbena speċifikament għal din il-knisja 4 snin ilu.

Iżur Malta għal dan il-festival ukoll, l-organista prominenti Wayne Marshall għall-kunċert fil-kon-katidral ta’ San Ġwann, il-Belt nhar il-Ġimgħa 27 ta’ Novembru.

Marshall se jinterpreta għadd ta’ temi tal-kompożitur Beethoven.

Għall-programm kollu, żuru www.MaltaInternationalOrganFestival.com