Qorti
Kundannata 3 snin ħabs wara li ammettiet li serqet ġojjelli minn dar ta’ anzjana fl-Imsida

Tliet snin ħabs għal mara minn Marsaskala li ammettiet li serqet ġojjelli minn dar ta’ anzjana fl-Imsida.

Il-mara, Natalie Bonello ta’ 45 sena, kienet daħlet għand anzjana bil-maskra ma wiċċha u ngannatha meta qaltilha li hija minn kumpanija li tqabbdet biex tgħin persuni vulnerabbli waqt l-imxija tal-coronavirus. Il-każ ġara fis-7 ta’ April.

Fil-Qorti, għall-ewwel Bonello caħdet l-akkużi kontriha iżda wara xahrejn ammettiet quddiem il-Maġistrat Marseanne Farrugia li setgħet tagħtiha piena ta’ 12-il sena ħabs.

Fil-proċeduri fil-Qorti, l-Ispettur Jonathan Ramsley stqarr li l-akkużata kkoperat mal-pulizija u bl-għajnuna tagħha ġew solvuti sitt serqiet oħra. Bonello kellha każi oħra simili fil-passat.

Fil-Qorti ħareġ li l-mara għandha problema tad-droga u qalet li lesta tibda programm biex tegħleb l-abbuż tad-droga.

Ara wkoll:

Serqet ġojjelli minn dar ta’ anzjana fl-Imsida u nqabdet ftit wara