Qorti
Kunsill lokali ma jinżammx responsabbli wara li ċint waqa’ fuq karozza

Kumpanija tal-assikurazzjoni li fetħet kawża kontra kunsill lokali wara li karozza nxurjata magħha sofriet ħsara meta waqa’ ċint fuqha kellha t-talba miċħuda wara li t-Tribunal għat-Talbiet Żgħar ikkonkluda li ma jfissirx li għax l-istess kunsill irranġa ċ-ċint kien qed jassumi r-responsabbiltà ta’ dak li ġara.

GasanMamo Insurance Limited fetħet il-kawża f’isem il-klijent  tagħha Joseph Muscat kontra s-Sindku u s-Segretarju Eżekuttiv tal-Imġarr.

Hija żammett lill-Kunsill Lokali tal-Imġarr responsabbli għall-inċident li kien seħħ fit-23 ta’ Ottubru 2018 fi Triq Dun Ġużepp Micallef meta ċ-ċint waqa’ fuq il-karozza wara l-maltemp li għamel fil-lejl ta’ qabel.

Is-Segretarju Eżekuttiv tal-Kunsill Lokali tal-Imġarr, Cyprian Dalli, spjega li huma kienu nfurmati dwar l-inċident, li fih sofrew ħsara żewġ vetturi, minn individwu u wara li ma rċevew ebda risposta mingħand id-Direttorat Ġenerali għax-Xogħlijiet Pubbliċi l-Kunsill iddeċieda li jsewwih hu.

L-Avukat Juliana Scerri Ferrante, li ppresediet it-Tribunal għat-Talbiet Żgħar, qalet li ma nġiebet ebda prova li l-kunsill lokali msemmi kien responsabbli u lanqas li ma kienx.

Hija għamlitha ċara li t-Tribunal għat-Talbiet Żgħar mhux se joqgħod jagħmilha ta’ investigatur u jipprova jiskopri hu min verament kien responsabbli għaċ-ċint.

Dr Scerri Ferrante kkonkludiet li ma jfissirx li għax l-imsemmi kunsill sewwa ċ-ċint kien ifisser li qed jassumi r-responsabbiltà għall-inċident għax it-tiswijiet li għamel kienu biex iċ-ċint ma jkunx ta’ periklu għal ħaddieħor.

Kien għalhekk li ċaħdet it-talba tal-kumpanija tal-assikurazzjoni biex il-Kunsill Lokali tal-Imġarr jagħmel tajjeb għal dak li ġara billi jħallas €2,000.