Lokali
“Kuntenti li fl-aħħar għandna dar tagħna” – il-koppja li saret sid ta’ darha għall-ewwel darba

Jasper u Ian huma fost 200 benefiċjarju li rċievew ċekk mill-Awtorità tad-Djar biex isiru sidien ta’ darhom. Huma rrakkuntaw ma’ TVM kif kienu jeħtieġu s-sostenn tal-Awtorità bl-iskema ta’ 10% depożitu fuq il-konvenju għax-xiri tal-ewwel dar tagħhom, għax waħidhom ma kienx se jirnexxielhom jaslu. L-ammont misluf mill-Awtorità tad-Djar irid jitħallas lura f’25 sena. Huwa stmat li fadal biżżejjed fondi għal madwar 100 applikant ieħor li jistgħu jkunu individwi jew koppji.

Iltaqgħu għall-ewwel darba sena u nofs ilu. Minn dakinhar nibtet relazzjoni bejniethom u qatt ma ħarsu lura. Jasper għandu 32 sena. Ian għandu 23 sena. Issa ilhom sena jgħixu flimkien f’kirja ta’ €500 fix-xahar. Xtaqu jsiru sidien ta’ darhom.

Ittantaw xortihom jiksbu self mill-bank iżda baqgħu lampa stampa għax ma kellhomx id-depożitu ta’ 10% meħtieġ mal-iffirmar tal-konvenju biex ikollhom il-proprjetà tagħhom. Il-ħolma tagħhom iżda saret realtà meta f’Ġunju li għadda l-Awtorità tad-Djar nediet skema biex tgħin koppji jew individwi bħal Jesper u Ian isiru sidien ta’ darhom.

“Il-proċess ma damx. Ftit xhur. Xahrejn bejn wieħed u ieħor min-naħa tal-Housing jiġifieri ċ-ċekk f’isem in-nutar ovvjament – mhux fuqek – imma kien proċess easy ħafna.”

Għandhom seba’ mitt sena sakemm iżanżnu l-proprjetà tagħhom.

“Jien kuntent li sa fl-aħħar se jkollna xi ħaġa tagħna.”

“Looking forward li kollox ikun konkluż. Hopefully ma fadlilniex ħafna iktar li nkunu nidħlu u nimxu f’din id-dar il-ġdida.”

Din il-koppja hi waħda minn 200 benefiċjarju li rċievew ċekk mill-Awtorità tad-Djar biex isiru sidien ta’ darhom. L-iskema hi maħsuba għal persuni bejn il-21 u d-39 sena li jridu jixtru l-ewwel proprjetà tagħhom. B’din l-iskema, l-Awtorità se tagħmel tajjeb għad-depożitu, sa €17,500, li hu meħtieġ biex il-banek jisilfu flus għax-xiri tal-propjetà.

Dan l-ammont irid jitħallas lura f’25 sena, bl-Awtorità tagħmel tajjeb għall-imgħaxijiet fuqu. Jingħataw skontijiet għal min iħallas dan is-self f’10 snin. L-iskema bdiet b’allokazzjoni ta’ €3 miljun. Hu stmat li fadal biżżejjed fondi għal madwar 100 applikant li jistgħu jkunu individwi jew koppji.