Lokali
Kuntenti li qed jaħdmu wara li kienu qatgħu qalbhom li jkollhom xogħol

Veronica u Rita huma ommijiet ta’ persuni b’diżabbiltà. Huma kienu waslu biex jaqtgħu qalbhom li uliedhom jidħlu fid-dinja tax-xogħol. Madankollu, bl-għajnuna tal-Fondazzjoni Lino Spiteri, din il-ħolma saret realtà għal uliedhom Bjorn u Luke Christopher.

Bjorn Tabone għandu 30 sena. Ilu kważi sena jaħdem ma’ kumpanija fl-industrija tal-ikel. Spjega li jkollu seba’ mitt sena sabiex filgħodu jisbaħ u jmur għax-xogħol. “Ix-xogħol tiegħi huwa nwaħħal l-istickers. Nibda fit-8.00am u nispiċċa fis-1.00pm. Kuntent ħafna.”

Ommu Veronica tħossha ferħana li binha fl-aħħar qed jaħdem. “Li narah imur ix-xogħol kuljum u qatt ma falla u qed jagħmel kuntatt man-nies bħalna. Ħbieb kemm trid. Kulħadd jieħu ħsiebu. M’hemmx kliem xi ngħid. Xi ħaġa vera kbira għalija li wasalna s’hawn.”

Luke Christopher Allen, li għandu 23 sena, ukoll iħossu fis-seba’ sema li għandu x-xogħol li dejjem xtaq. “I do like it. I do a lot of reconcilation and I put some stuff about cashcoins in the laptop.

Ommu, Rita, qalet li l-familja qed taħsad il-frott tat-trobbija ta’ binhom. “Inħossni sodisfatta ħafna u nħoss li x-xogħol kollu li għamilna tul is-snin minn meta twieled, għall-inqas qed jagħti riżultat tajjeb.”

Dan kollu kien possibbli bit-taħriġ u d-dedikazzjoni tal-ħaddiema tal-Fondazzjoni Lino Spiteri, li rnexxielhom joħorġu l-kapaċitajiet ta’ Bjorn u Luke u jiftħulhom il-bieb għax-xogħol, kif spjegat il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni, Esmeralda Micallef Zarafa.

“Kien hemm dik il-mentalità li din hija karità u għax dak miskin. U bil-mod il-mod qed indaħħluhielhom li mhux il-każ. Jekk aħna se nirreferulek lil xi ħadd għall-post tax-xogħol għax il-persuna taf tagħmel ix-xogħol u ħarriġniha,” qalet Micallef Zarafa,

Il-Fondazzjoni Lino Spiteri taħdem id f’id ma’ Jobsplus biex tkompli tgħin kumpaniji jegħlbu l-ostakli u jimpjegaw persuni b’diżabbiltà. Dan isir b’fondi mill-kontribuzzjoni li jħallsu l-kumpaniji li mhumiex iħaddmu persuni b’diżabbiltà skont l-obbligi legali tagħhom.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Il-ġurnalist veteran Reno Bugeja rrapporta għax-xogħol għall-aħħar darba mal-istazzjon nazzjonali wara karriera ta’ 44 sena. Is-Sur Bugeja se jirtira bl-età f’nofs dan ix-xahar wara li għall-aħħar seba’ snin mexxa l-Kamra tal-Aħbarijiet…

Lokali

Issokta r-restawr tal-fortifikazzjonijiet li jinkludu l-Ospizio fil-Furjana biex sas-sajf ta’ sentejn oħra jinfetaħ għall-pubbliku dak li qed jissejjaħ bħala l-ewwel mużew tal-arti kontemporanja f’Malta bl-isem ta’ MICAS. Il-proġett jinkludi fost…

Avjazzjoni

L-Air Malta kitbet paġna oħra fl-istorja tagħha meta ajruplan tal-linja nazzjonali tar għall-ewwel darba lejn l-Indja biex ħa lura f’Kerala 110 ċittadin Indjan f’titjira ta’ ripatrijazzjoni mħallsa mill-gvern. Tkellimna ma’…

Lokali

Il-Programm taċ-Ċittadinanza b’Investiment se jingħalaq u l-aġenti ġew infurmati biex ma jaċċettawx iżjed applikazzjonijiet. Minflok ser isiru regolamenti ġodda dwar ir-residenza b’żewġ saffi. Saff minhom jagħti dritt lil persuni li…

Aktar