Kisbiet
Kuntistabbli u atleta – kiseb medalja tal-fidda fl-Olimpijadi tal-Pulizija

Kuntistabbli tal-Pulizija kklassifika fit-tieni post fl-Olimpijadi tal-Pulizija li saru fiċ-Ċina. Din kienet l-ewwel darba li l-korp tal-pulizija ħa sehem f’dawn l-Olimpijadi. Il-Kuntistabbli, Andrew Grech li hu wkoll atleta rinomat f’pajjiżna, ġie ppreżentat b’medalja tal-fidda wara li ġie fit-tieni post fin-nofs maratona waqt dan l-avveniment li fih ħadu sehem uffiċċjali minn sebgħin pajjiż.

Il-kuntistabbli tal-Pulizija, Andrew Grech Irritorna miċ-Ċina fejn ħa sehem fl-Olimpijadi tal-Pulizija, li huma miftuħa għall-pulizija u pumpiera minn madwar id-dinja. Hu ħa sehem fin-nofs maratona b’distanza ta’ 21 kilometru u kklassifika fit-tieni post minn fost 2,000 atleta.

“Kelli sajf sħiħ aktar impenjat mis-soltu, fejn is-soltu fis-sajf inaqqas, dan is-sajf kien impenjat ħafna għalija.”

Apparti x-xogħol ta’ Kuntistabbli fejn hu stazzjonat fid-distrett ta’ Tas-Sliema, Andrew hu wkoll atleta. Erba’ ġimgħat oħra se jieħu sehem fil-maratona ta’ Berlin. L-Olimpijadi tal-Pulizija jsiru kull sentejn. Din kienet l-ewwel darba li Malta ħadet sehem.

“Kont l-uniku wieħed li minn pajjiż wieħed, ġie magħżul atleta wieħed. Minn 79 pajjiż, kollu kienu minn żewġ atleti ‘l fuq. B’kollox konna 11,000 atleta.”

Sentejn oħra, l-Olimpjadi tal-Pulizija se jsiru f’Rotterdam u Andrew Grech beħsiebu jerġa’ jipparteċipa. Is-sehem tiegħu f’din l-edizzjoni tal-Olimpijadi li saret iċ-Ċina seħħet wara kuntatti mill-President tal-Għaqda Ħbiberija bejn Malta u ċ-Ċina, Reno Calleja.

Din kienet l-ewwel darba li l-Olimpijadi saru fl-Asja. Staqsejna lil Andrew jekk kienx affettwat mill-kwalità tal-arja li fiċ-Ċina hu magħruf li mhix daqstant tajba.

“Chengdu fil-post fejn kont jien, l-awtoritajiet qalulna li wieħed mill-aktar postijiet l-inqas li huwa milqut mit-tniġġis però kif isiru d-disgħa u nofs, l-għaxra, tħoss l-arja vera tqila, ngħid għalija ma kinetx daqshekk nadifa bħala arja.”

Żied jgħid li fejn kien kien hemm umdità għolja u ħafna sħana bħal Malta iżda l-istil ta’ ħajja fiċ-Ċina huwa differenti.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat awgura lill-Kuntistabbli Grech għas-suċċess li kiseb f’laqgħa miegħu fil-berġa ta’ Kastilja.

Aħbarijiet Oħra
Xogħol

Fit-tieni kwart tas-sena, bejn April u Ġunju li għadda, Malta kellha t-tielet l-ogħla rata ta’ sejħiet għal impjiegi fis-suq tax-xogħol. Skont ċifri tal-Eurostat, il-postijiet tax-xogħol li kienu qed ifittxu l-ħaddiema…

Lokali

Tmien kunsilli lokali ntgħażlu għal proġetti varji fil-komunitajiet tagħhom bil-għan li jintuża trasport alternattiv li ma jagħmilx ħsara ambjentali. Ħaż-Żabbar, Ħaż-Żebbuġ, u l-Ħamrun ħadu bejn tletin u ħamsin elf ewro…

Lokali

Is-Segretarju Parlamentari għal Persuni b’Diżabilità u Anzjanità attiva Anthony Agius Decelis ħabbar li filwaqt li hawn 2,749 persuni b’diżabilità mpjegati fuq bażi full time, fadal 215 persuna b’diżabilità li qed…

Aktar