Lokali
AĠĠORNAT: Kuntratturi Maltin u barranin jagħmlu 8 offerti għall-flyovers fil-Marsa

Il-Gvern irċieva tmien offerti għall-bini tal-junction il-ġdida tal-Marsa li se tinkludi seba’ strutturi ta’ flyovers. L-offerti ntefgħu wara sejħa internazzjonali minn konsorzji li fihom kuntratturi Maltin u barranin. Il-prezz tal-offerti jvarja, bil-valur medju hu ta’ €45 miljun. Issa jibda l-proċess biex issir l-għażla ta’ min se jidħol għal dan l-akbar proġett fit-toroq Maltin.

Tmien konsorzji jew kumpaniji Maltin u barranin tefgħu l-offerta għall-proġett ta’ bini ta’ seba’ strutturi ta’ flyovers fil-Marsa. Hu mifhum li fost dawn hemm kuntratturi Spanjoli, Taljani u Torok.

L-offerti jvarjaw mill-orħos waħda ta’ €33.5 miljun għall-ogħla waħda li tlaħħaq is-€57.7 miljun. Il-Ministru għat-Trasport, Ian Borg, qal li dawn l-offerti se jiġu studjati bir-reqqa biex tintgħażel l-aħjar waħda bit-tir li l-proġett tal-flyovers jitlesta fi żmien tliet snin.

Il-Perit William Portelli minn Transport Malta, qal li s-seba’ flyovers ġodda li se jkollhom żewġ karreġjati f’kull direzzjoni, f’partijiet minnhom se jkunu jikkonsistu fi tliet saffi ta’ toroq fuq xulxin b’għoli ta’ madwar erba’ sulari.

Il-Perit William Portelli qal li ”hemm seba’ bridges biex iwasslu fid-direzzjonijiet b’mod dirett. Ma jkunx hemm għalfejn wieħed jieqaf biex imur min-naħa għall-oħra ta’ dawn l-akwati.”

Sax-xahar id-dieħel ser titlesta l-ewwel fażi tal-progett bit-twaqqiegħ ta’ żewġ fabbriki li qed jagħmlu l-wisa’ għall-infrastruttura tat-toroq. Iż-żewġ fabbriki ġew rilokati – il-BIM marret Ħal Far waqt li l-AstraCast bdiet topera minn Bulebel. Waħda miż-żewġ fabbriki twaqqgħet biex issir triq temporanja ħalli t-traffiku jibqa’ għaddej waqt ix-xogħlijiet. Il-Perit Portelli qal li daqt jibda x-xogħol fuq it-tieni fażi li għandha titlesta sas-sajf li ġej.

Il-Perit William Portelli qal li ”t-tieni fażi tinkludi Triq il-Gvern Lokali ma’ Triq Aldo Moro. Se nibnu service culverts biex nagħmlu d-dawl fihom. Se nibnu ducts għat-telekomunikazzjoni, mainijiet għad-drenaġġ, għal storm water u għal pottable water.”

Il-Ministru Ian Borg qal li dan il-proġett hu pass ieħor fit-twettiq tal-pjan tal-Gvern għal trasport aktar sostenibbli, sigur u effiċjenti.”

Il-proġett kollu mistenni jiswa mas-70 miljun ewro, jinkludi aktar minn 12-il-kilometru ta’ karreġġjati ġodda.”