Avjazzjoni
Mistennija li mas-7.2 miljun passiġġier jgħaddu mill-Ajruport fl-2019

Il-kumpanija li tmexxi l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, l-MIA qalet li qed tistenna li din is-sena terġa tikser ir-rekord meta jgħaddu aktar minn 7 miljun passiġġier. Il-Kap Eżekuttiv tal-MIA Alan Borg waqt li ta rendikont tar-riżultat tal-Ajruport is-sena li għaddiet meta kellu żieda ta’ 13% fil-passiġġieri, qal li l-prospetti għal din is-sena huma saħansitra aħjar.

Ċifri tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta juru li s-sena l-oħra rekord ta’ sitt miljun u tmien mitt elf passiggier ghaddew mil-ajruport, li jfisser żieda ta’ 13.2 fil-mija fuq in-numru ta’ passiġġieri li għaddew mill-ajruport fl-2017.

F’konferenza tal-aħbarijiet dwar r-riżultati tas-sena li għaddiet, il-Kap Eżekuttiv tal-MIA, Alan Borg qal li ż-żieda fil-passiġġieri kienet perċentwalment aħjar fix-xhur magħrufa bħala shoulder months meta normalment ix-xogħol ikun inqas mix-xhur tas-sajf.

Is-sur Borg qal li l-iktar żewġ linji tal-ajru li ġarrew passiġġieri kienu Ryanair u Airmalta. Ryanair ġarret 2.4 miljun passiġġier u l-Airmalta ġarret żewġ miljun passiġġier. Huwa qal li r-ritmu taż-żieda fil-passiġġieri kienet aħjar fl-Airmalta għaliex kellha żieda ta aktar minn 22% fil-passiġġieri li vvjaġġaw magħha.

Il-Kap Eżekuttiv tal-MIA qal li t-tbassir għal din is-sena huwa pożittiv u jistenna din is-sena 7,200,000 passiġġier jgħaddu mill-ajruport ta’ Malta. Is-sur Borg qal li l-MIA qed taħseb għat-tkabbir fix-xogħol bi programm ta’ investiment kapitali.

Alan Borg qal “fil-fatt għaddejjin b’xogħol b’ritmu mgħaġġel fuq il-multi storey car park li qed nippjanaw li jkun lest is-sena d-dieħla, qed inkomplu wkoll fuq xogħlijiet għal Skyparks 2 li huwa investiment ta’ €40 miljun, qed inkomplu wkoll fuq il-pjanijiet tagħna fuq terminal ikbar u fejn inkunu nistgħu niħħendiljaw ħafna iktar passiġġieri, kif ukoll area ġdida għall-parkeġġi tal-ajruplani.”

Mistoqsi fuq il-pressjoni li qed issir mill-qasam tal-business aviation biex ikollhom terminal apposta għall-passiġġieri li jivvjaggaw f’jets privati, is-Sur Borg qal li sal-lum l-infrastruttura hija adegwata għat-talba li hemm min das-settur.

Alan Borg qal “jekk ikun hemm iktar domanda għal iktar servizzi, bħalma dejjem għamilna m’għandniex problema nitkellmu mal-operaturi u jekk hemm bżonn inkabbru l-investiment fl-area, inkabbruh ukoll. So far min-numri li qed naraw, l-infrastruttura li għandna hija adegwata għal das-settur.”

Il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi qal li l-Gvern se jkompli jsaħħaħ l-infrastrutturi tal-ajruport. Qal li għall-ħames u s-seba’ snin li ġejjin, il-gvern se jżid l-avvenimenti li jiġbdu iżjed turisti lejn Malta waqt li jitkattar ukoll l-investiment privat f’din l-industrija.

 

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Instab post alternattiv biex id-detox ma jibqax fejn l-isptar San Luqa fi G’Mangia. Dan ġie konfermat mill-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali Alfred Grixti li madankollu ma tax dettalji tal-post…

Kronaka

Ir-raġel li lbieraħ il-Pulizija ppubblikaw ritratti tiegħu qed ikun imfittex b’rabta ma’ serqa li seħħet ix-xahar illi għadda f’Tas-Sliema. Il-Pulizija talbet l-għajnuna tal-pubbliku biex issib lil dan ir-raġel. Minn stħarriġ…

Saħħa

Kollaborazzjoni bejn kumpanija fil-qasam tal-farmakoloġija li tinsab ibbażata f’Malta u riċerkatur Taljan qed twassal għal iżjed riċerka fit-terapija għall-kanċer. Din ir-riċerka hi ibbażata fuq sustanti meħuda minn pjanti mediterranji. Il-Professur…

Aktar