Lokali
Kważi lest il-bini tal-pixxina ta’ livell olimpiku u padiljun sportiv f’Għawdex

L-ewwel pixxina ta’ daqs Olimpliku f’Għawdex ġiet iffurmata hekk kif ix-xogħol tal-bini ta’ Ċentru Akkwatiku u Sportiv fir-Rabat kważi tlesta.  Il-kostruzzjoni taċ-ċentru hi stmata li se tiswa €16-il miljun.

Il-proġett li qed jitmexxa mill-Ministeru għal Għawdex issa se jidħol f’fażi oħra, bix-xogħol fuq il-faċċata li ser ikollha dehra moderna ħafna u l-istallazzjoni tas-servizzi u għadd ta’ faċilitajiet.

Wara li tlesta t-tħaffir, il-bini ta’ Ċentru Akkwatiku u Sportiv ġdid fir-Rabat Għawdex beda bħal dan iż-żmien sena u din il-fażi tax-xogħol hi kważi lesta.

Mifrux fuq medda art ta’ aktar minn ħamest’elef metru kwadru, id-dehra weħidha tal-istruttura minn barra turi l-ħemel ta’ xogħol li sar fl-aħħar tnax-il xahar. Madankollu, dawra mal-lant tax-xogħol fuq ġewwa turi li x-xogħol ta’ kostruzzjoni hu avvanzat ħafna.

“Ix-xogħol tal-kostruzzjoni kważi komplut. Diġà ffurmat il-pixxina ta’ qies Olimpiku. Għandna mbagħad il-kumpless sportiv li reġa’ tiela’ mill-ġdid b’aktar faċilitajiet. Però aktar minn hekk issa nħarsu ‘l quddiem għall-fażi li jmiss tal-kostruzzjoni fejn tinkorpora l-faċċata ultra moderna ta’ dan il-kumpless u nibdew il-finishing.”

Iċ-ċentru ser ikollu żewġ pixxini – waħda ta’ livell Olimpiku kbira 50 metru b’25 metru u b’faċilitajiet għall-ispettaturi. Il-pixxina l-oħra se tkun dedikata għar-rijabilitazzjoni u ħtiġijiet terapewtiċi ta’ persuni li għandhom diffikutlajiet ta’ mobilita’ bħal anzjani u persuni b’diżabilità.

Aspett ieħor tal-proġett hu padiljun sportiv ġdid b’faċilijiet fuq ġewwa għal diversi dixxiplini sportivi bħall-ġinnastika, il-basketball, il-badminton, l-isquash, il-weightlifting, l-arti marzjali u l-yoga. Barra minn hekk, ser ikun hemm spazju fuq barra għal sport ieħor bħat-tennis; gym; faċilitajiet tal-ewwel għajnuna; u kmamar li huma maħsuba biex jgħinu fl-operat ta’ għaqdiet sportivi Għawdxin.

Il-perit tal-proġett, Godwin Sultana, spjega l-użu li jista’ jkollha l-pixxina ż-żgħira u qal li ċ-Ċentru Akkwatiku u Sportiv għandu wkoll skop edukattiv li jintiseġ mal-kurrikulu edukattiv.

“Schools are just next door. Very easily for PE we bring them here either once a week for the pool or the squash, so it becomes an important part of our curriculum. Also the moveable floor will be able to host different activities for people with disabilities and people who need therapeutics from the hospital or different needs form society theat needs to be done here.”

Il-Ministru Clint Camilleri qal li apparti għall-Għawdxin, la darba jitlesta dan il-proġett hu maħsub li jattira turiżmu sportiv.