Lokali
“Kważi qatluni u xi nies ħdejja sparawlhom u qatluhom”

Bħal dan iż-żmien sena f’Ġinevra l-fazzjonijiet rivali fil-Libja qablu għall-waqfien mill-ġlied wara snin twal ta’ gwerra ċivili.

Minkejja l-elezzjoni ġenerali f’dan il-pajjiż ġar tagħna tinsab fuq l-għatba, ir-rivoluzzjoni għadha kapitlu mudlam għall-ħafna Libjani, speċjalment dawk li gawdew il-prosperità fl-era Gaddafi. Iżda għall-oħrajn minkejja l-instabbiltà r-rivoluzzjoni ġabet libertà.

Is-sitwazzjoni fil-Libja għaxar snin wara r-revoluzzjoni hija s-suġġett ta’ dokumentarju li se jixxandar illejla wara l-bulletin tal-aħbarijiet tat-8 ta’ TVM, bħala parti mis-sensiela Carter Jirrapporta.

Il-Libja… 10 snin wara r-rivoluzzjoni… għal uħud il-memorji tal-gwerra ċivili għadhom friski, speċjalment ta’ wieħed mir-rivoluzzjonarji Tarek Mana li jgħix f’Yafran.

“I nearly got shot many times. Some people next to me were shot and died.”

Għal oħrajn, bħalma huwa dan is-sid ta’ negozju fil-Medina ta’ Tripli, ir-rivoluzzjoni hija ħolma falza.

“Our dream was that we’ll be better after the revolution. But in reality, that wasn’t true… Everyone’s dream is to leave this country.”

Din hija s-sitwazzjoni li sab krew taċ-Ċentru tal-Aħbarijiet, li żar il-Libja fil-ġimgħat li għaddew bħala parti mis-sensiela ta’ dokumentarji Carter Jirrapporta. Il-ġurnalist Liam Carter stħarreġ dwar kif qed iħarsu l-Libjani lejn ir-rivoluzzjoni li heżżet lir-reġim ta’ Gaddafi wara gwerra ċivili li matulha Malta, bħala pajjiż ġar, offra għajnuna umanitarja.

Min għadu tal-fehma li l-era Gaddafi kienet aħjar u min diġà qed iħoss li ħa r-ruħ u ħeles mit-terrur tal-erba’ diċenji ta’ oppressjoni, bħalma huwa Faudi għalliema tal-lingwa Amadigh li kienet ipprojbita fi żmien Gaddafi tant li min kien jużaha seta’ jitkeċċa mix-xogħol u saħansitra jispiċċa l-ħabs.

“It’s prohibited and you cannot do it. You can talk but use letter and write, no! It’s not allowed. What were the reasons behind this? No one knows. Dictatorship.”

Negozjanti żgħażagħ intervistati f’Carter Jirrapporta qalu li qed jaraw xaqq dawl għax qed jirnexxielhom idawru r-rota mhux fi Tripli biss iżda wkoll lil hinn… iżda fil-programm tispikka d-determinazzjoni u r-rieda ta’ xi rivoluzzjonarji li mhux se jieqfu joħolmu li xi darba l-pajjiż isir demokratiku.

“I think the revolution is still on. We are still fighting. It’s not over yet. We have a government but no government. We are still really fighting. We wanted democracy with all costs. So we didn’t give up yet.”

Kien fl-20 t’Ottubru ta’ 10 snin ilu meta Gaddafi nqatel mill-milizja ta’ Misurata. Il-mewt tal-wieħed mill-iktar dittaturi influwenti fid-dinja wasslet għall-waqgħa tar-reġim tiegħu, iżda l-karba għall-paċi u l-istabbilità għadha tidwi mhux fil-Libja biss, iżda wkoll fil-Maghreb u fir-reġjun tal-Mediterran.