Statistika
Kważi tliet kwarti tal-Maltin sodisfatti bil-qagħda finanzjarja tagħhom – Ewrobarometru

Stħarriġ Ewropew juri li l-maġġoranza tal-Maltin huma sodisfatti bil-qagħda finanzjarja u l-impjieg tagħhom, iżda wrew tħassib dwar l-immigrazzjoni u wara dwar is-saħħa. Nofs il-Maltin huma ottimisti dwar l-Unjoni Ewropea, filwaqt li l-maġġoranza assoluta għandhom fiduċja fil-Gvern.

L-istħarriġ tal-Ewrobarometru li sar f’Lulju juri li 73% tal-Maltin qalu huma sodisfatti bil-qagħda finanzjarja tagħhom. Dan ifisser 3% iktar mill-medja Ewropea.

Ftit iktar min-nofs il-Maltin wieġbu li huma kuntenti bl-impjieg tagħhom. Dwar il-qagħda tal-pajjiż, 60 fil-mija tal-Maltin qalu li jħossu li hija tajba, li jfisser 20 fil-mija inqas minn dak li kien irreġistrat fil-Ħarifa ta’ qabel, iżda kważi id-doppju tal-medja Ewropea.

58 fil-mija tal-Maltin qalu li għandhom fiduċja fil-Gvern, li hija 7 fil-mija aktar mill-Ħarifa, u 18% iktar mill-medja Ewropea. Nofs il-Maltin huma ottimisti dwar l-Unjoni Ewropea, iżda 72% jħossuhom ċittadini tal-Unjoni Ewropea. Dwar il-futur, il-maġġoranza tal-Maltin jemmnu li l-qagħda ekonomika u tal-impjiegi fil-pajjiż se tkun tibqa’ l-istess jew aħjar fit-12-il xahar li ġejjin. 28% tal-Maltin jaħsbu wkoll li l-ekonomija se tirkupra sentejn oħra mill-effetti tal-pandemija.

Minkejja l-pandemija, il-Maltin jemmnu li l-immigrazzjoni kienet l-aktar kwistjoni li qed taffetwa lill-pajjiż. Mill-istħarriġ joħroġ li 58 fil-mija jemmnu li din hi l-akbar problema fil-pajjiż, bi kwart ta’ dawk intervistati wieġbu li s-saħħa hi l-aktar ta’ tħassib. Fost l-Ewropej, l-aktar ta’ tħassib hi is-sitwazzjoni ekonomika tal-istati membri.

Mistoqsija kif ħassewhom dwar il-miżuri li ttieħdu biex ikun ikontrollat it-tixrid tal-COVID, il-maġġoranza tal-Maltin qalu li la hi faċli u lanqas diffiċli biex jadattaw ruħhom għar-restrizzjonijiet imposti mill-awtoritajiet tas-saħħa.

Ara hawn l-istħarriġ sħiħ tal-Ewrobarometru.