Lokali
Il-Pulizija Maltija tinvestiga kumpanija Spanjola – Id-Direttur tad-Dipartiment tas-Sajd tiċħad l-akkużi

Id-Direttur tad-Dipartiment tas-Sajd Andreina Fenech Farrugia qed tkun investigata wara li l-awtoritajiet Spanjoli implikaw f’każ allegat ta’ tixħim biex jinkisru l-kwoti tas-sajd tat-tonn. L-awtoritajiet xandru traskrizzjoni ta’ taħdita bit-telefown li Dr Fenech Farrugia kellha fis-sajf li għadda ma rappreżentanti tal-kumpanija Spanjola tal-akwakultura li f’Malta għandha l-kumpanija Mare Blu, li fiha qed jigi implikat li talbithom il-flus.

Id-Direttur tad-Dipartiment tas-Sajd Andreina Fenech Farrugia ġiet sospiża mill-kariga wara rapporti li talbet ħlas mingħand waħda mill-ikbar kumpaniji tat-tonn fi Spanja biex allegatament tinqabez il-kwota tat-tonn.

Hija ġiet sospiża wara li fi Spanja ġew ippubblikati traskrizzzjonijiet ta’ telefonati li saru bejnha u bejn Josè Fuentes Garcìa, li jmexxi l-Grupp Fuentes. Minnhom joħrop li hija talbet ħlas baxx baxx sabiex tgħinhom iddaħlu tonn fis-suq mhux dikjarat skont il-kwoti stabiliti. Il-grupp Fuentes f’Malta għandu wkoll kumpanija Mare Blu li għandha l-gaġġeġ tat-tonn.

Il-Gvern Malti qal li qed jikkollabora mal-awtoritajiet fl-investigazzjonijiet kollha li qed isiru biex jiġu stabbiliti l-fatti kollha dwar dan il-każ anka fl-interess tas-settur tas-sajd u l-akwakultura f’Malta.

Żied jgħid li fl-investigazzjonijiet il-Pulizija Maltija involviet il-Europol biex tirċievi informazzjoni minn Spanja dwar dawn l-investigazzjonijiet. Fl-istess waqt intqal li l-awtoritajiet Maltin għaddejjin b’investigazzjonijiet oħra permezz tal-Pulizija u anke nfetħet inkjesta mmexxija mill-Maġistrat Gabriella Vella.

TVM huwa infurmat li dan il-każ fil-konfront ta’ Dr Fenech Farrugia seħħ wara investigazzjoni li ilha għaddejja x-xhur mal-awtoritajiet Spanjol dwar is-suq tat-tonn illegali li huwa stmat b’valur ta’ €25 miljun. Huwa mifhum li s-servizz sigriet Spanjol irrekordja t-telefonati ta’ Dr Fenech Farrugia ma’ Feuntes Garcia. L-investigazzjoni konġunta tal-awtoritajiet Spanjoli u l-Europol imsejħa Taratelo f’Ġunju li għadda waslet għall-arrest ta’ 79 persuna f’diversi bliet spanjoli.

F’kummenti lil TVM, il-Kap Eżekuttiv tal-Federazzjoni Maltija tal-Akwakultura, l-Avukat Charlon Gouder, qal li din hija aħbar ta’ tħassib li tirrekjedi azzjoni immedjata.

Dr Gouder qal “aħna qed insegwu dawn l-aħħar żviluppi anke b’laqgħat li se jkolli mal-avukati tagħna fi Spanja lejn tmiem din il-ġimgħa biex flimkien magħhom naraw kif dan l-aħħar żvilupp sejjer jimpatta fuq l-industrija, partikolari dik ta’ Malta”.

L-Avukat Gouder qal li jilqa’ d-deċiżjoni li l-Gvern issospenda lil Dr Fenech Farrugia. Żied jgħid li hija għandha dritt tiddefendi lilha nnifisha għax kulħadd hu preżunt innoċenti. Min-naħa l-oħra, qal Dr Gouder, l-industrija ma tistax tibqa’ tigi implikata b’allegazzjonijiet bħal dawn.

Fi stqarrija, Dr Fenech Farrugia tiċħad bil-qawwa l-allegazzjonijiet li saru kontriha. Hija qalet li dejjem aġixxiet u ħadet passi kontra kull operatur meta nstabu illegalitajiet tas-sajd.

Ara wkoll:

Sospiża d-Direttur tad-Dipartiment tas-Sajd wara każ ta’ tixħim fl-industrija tat-tonn

Aħbarijiet Oħra
Lokali

“Għajnu Aħmar it-Tonn” jew “It-Tonn tal-Melliħin” kienet l-għajta tas-sajjieda Melliħin li sal-bidu tas-sittinijiet kienu jbiegħu t-tonn li jaqbdu bit-Tunnara. Is-sajd bit-tunnara nqata’ iżda fil-mużew tat-Tunnara fil-bajja tal-Mellieħa, għaqda volontarja Melliħija ikkonservat…

Pulizija

Fl-aħħar xahrejn, l-uċuħ ta’ erba’ Pulizija saru familjari mal-komunità tal-Mellieħa. Ir-residenti laqgħuhom u jqisuhom “ta’ ġewwa”. Dawn l-erba’ uffiċċjali jiffurmaw l-ewwel Community Policing Team fi proġett pilota mniedi mill-Korp. Intervistat…

Malta

Fil-Greċja, hemm madwar 3,500 persuna b’konnessjonijiet Maltin, il-maġġoranza f’Korfu fejn jgħixu Griegi b’nisel Malti li saħansitra jwasslu sar-raba’ u l-ħames ġenerazzjoni. Waqt żjara fil-Greċja, il-President George Vella ltaqa’ ma’ rappreżentanti…

Kisbiet

Imwieled Malta u emigra lejn l-Awstralja 44 sena ilu wara li gradwa mill-Università ta’ Malta dak iż-żmien kienet magħrufa bħala The Royal University of Malta. F’intervista ma’ TVM, il-Professur Stephen…

Aktar