Lokali
L-1,700 appartament ġdid tal-akkomodazzjoni soċjali mhux se jkunu għall-bejgħ


L-Awtorità tad-Djar ħabbret politika ġdida li se timxi fuqha meta tiġi biex talloka postijiet għal akkomodazzjoni soċjali. Id-dettalji ngħataw fi żmien meta daħal fl-aħħar fażi l-bini ta’ madwar 1,700 appartament ġdid tal-Gvern li qed isiru b’investiment ta’ €130 miljun.

Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali, Roderick Galdes, qal li dawn l-appartamenti mhux se jkunu għall-bejgħ iżda b’kirja soċjali li tinħadem skont id-dħul. Saħaq li s-sistema tassigura li l-postijiet jingħataw lil min vera għandu bżonn.

L-appartamenti l-ġodda tal-Gvern mhux se jkunu għall-bejgħ u f’ebda mument ma jistgħu jinxtraw filwaqt li l-kirja soċjali se tinħadem skont id-dħul tar-residenti. Dawn huma tnejn mill-prinċipji ewlenin ta’ politika ġdida li se tadotta l-Awtorità tad-Djar fit-tqassim tal-postijiet ġodda tal-Gvern.

Prinċipju ieħor hu li dawn il-postijiet mhux se jibqgħu ċens perpetwu u r-residenti se jiġu megħjunin mill-Awtorità tad-Djar biex isiru sidien ta’ djarhom jew jidħlu fis-suq tal-kera, ġaladarba jkollhom biżżejjed mezzi finanzjarji. Mhux se tibqa’ awtomatika lanqas is-sistema li l-ulied jirtu t-titlu fuq il-postijiet tal-Gvern, filwaqt li se jkunu megħjunin l-anzjani li jagħżlu li jpartu ma’ postijiet iżgħar, l-appartamenti tal-akkomodazzjoni soċjali allokati lilhom.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar, Leonid McKay, qal li l-Awtorità se żżid il-monitoraġġ billi ssegwi l-progess ekonomiku u soċjali tal-benefiċjarji ħalli tassigura li l-postijiet tal-Gvern ikunu allokati għal min vera għandu bżonn.

“Qed nitkellmu fuq ċiklu ta’ 10 snin li jkun maqsum fuq l-ewwel 4 snin se jsir l-ewwel test, it-tieni erba’ snin se jsir it-tieni test. Wara sentejn imbagħad meta jingħalaq iċ-ċiklu ta’ 10 snin l-Awtorità se tkun qed tara jekk id-dħul tiegħek jew l-assi jippermettulekx li tibqa’ hemmhekk jew toħroġ mill-post.”

Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali, Roderick Galdes, qal li l-politika l-ġdida tħares lil min hu fil-bżonn filwaqt li tixpruna l-mobilità soċjali.

“Fl-interess ta’ dawk in-nies li ta’ kuljum jikkontribwixxu fil-kaxxa ta’ Malta billi jħallsu t-taxxi u l-Gvern ikun jista’ jħallas is-self lill-banek fuq dawn il-proġetti, irridu naraw ukoll li dan il-housing soċjali jibqa’ għal min hu fil-bżonn, meta għandu bżonnu u sakemm għandu bżonnu.”

Il-Ministru Galdes wera l-fehma li b’dan il-pass il-Gvern qed jinqata’ mill-politika tal-passat meta l-appartamenti tal-Gvern kienu jintużaw bħala ballun politiku, u se jgħaddi għal metodu li fi kliemu hu ta’ fejda għal min qed ibati.