Lokali
L-2019 kienet rekord għall-MIA b’żieda ta’ 7.4% fil-passiġġieri

L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, l-MIA, ħabbar li s-sena li għaddiet kienet l-għaxar waħda rekord, b’żieda ta’ 7.4% fil-passiġġieri kif ukoll żieda ta’ 3 miljuni u sitt mitt elf ewro fid-dħul tal-kumpanija. Iżda minħabba l-pandemija, din is-sena, il-kumpanija rreġistrat tnaqqis sinifikanti fid-dħul u t-traffiku tal-passiġġieri. Madanakollu, il-Kap Eżekuttiv Alan Borg huwa fiduċjuż li l-industrija ser tibda tirkupra sa nofs is-sena d-dieħla.

Is-sena li għaddiet qabel bdiet il-COVID-19, il-kumpanija li topera l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta irreġistrat sena rekord għall-għaxar darba konsekutiva, b’aktar minn seba miljun u tlett mitt elf passiġġier, 7.4% aktar minn numru ta’ passiġġieri li għaddew fl-2018.

Id-dħul tal-MIA laħaq il-€100 miljun, €8 miljun aktar mis-sena ta’ qabel, filwaqt li rreġistrat qligħ ta’ kważi €34 miljun wara t-taxxa, kważi 12% aktar mis-sena ta’ qabel.

Wara r-riżultati pożittivi tas-sena l-oħra, din is-sena s-sitwazzjoni hija differenti minħabba l-Covid. Bejn Jannar u Ottubru, kien hemm tnaqqis ta’ 67% fid-dħul tal-kumpanija u 74% fin-numru ta’ passiġġieri li waslu Malta meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena li għaddiet.

L-akbar tnaqqis ġie reġistrat meta ġew sospiżi t-titjiriet bejn Marzu u Ġunju, bit-tnaqqis kien ta’ kważi mija fil-mija; filwaqt li bejn Lulju u Awwissu meta reġa’ fetaħ l-ajruport it-tnaqqis kien ta’ kważi 70%.

Iċ-Chairman tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, Nikolaus Gretzmacher qal li dan wassal għal tnaqqis drastiku fid-dħul tal-MIA, iżda jemmen li bis-sagriffiċji li qiegħda tagħmel, il-kumpanija tiflaħ għall-isfidi li għaddejja minnhom bħalissa.

“The extent and expected duration of the crisis still made it necessary for the company to immediately take additional measures to maintain its financial stability. Through these mitigation measures, the MIA leadership and management team all employees as well as our shareholders were asked to partake in easing some of the burden put on the company by this unrepresented crisis.”

Waqt il-konferenza ġenerali annwali tal-kumpanija, il-Kap Eżekuttiv tal-MIA Alan Borg qal li minħabba li d-dħul din is-sena naqas drastikament, minkejja tkabbir rreġistrat is-sena li għaddiet, id-dividend nett li ser jitħallas lill-azzjonisti ser ikun ta’ 3 centeżmi, jiġifieri 9 ċentezmi inqas mid-dividend nett li tħallas fl- 2018.

Is-Sur Borg qal li f’dan il-perjodu l-kumpanija xorta għaddejja bil-proġetti tagħhom fosthom il-bini ta’ parkeġġ għall-vetturi ġdid, u tkomplija tal-pjanijiet għall-bini ta’ Sky Parks 2 u Cargo Village, għax jemmen li s-settur tal-avjazzjoni ser jerġa’ jqum fuq saqajh.

“Confident that the industry will rebound, I feel that at the first opportunity people will take to the skies again, be it for visiting friends and relatives, be it it on holiday or business, I feel that we are part of an industry that is resilient enough and will rebound in the near term.”

Is-sur Borg qal li minn din il-ġimgħa nfetaħ il-parkeġġ il-ġdid bi spazju għall-aktar minn 1,300 karozza li sar b’investiment ta’ €20 miljun.