Immigrazzjoni
AĠĠORNAT (2): Il-PM Muscat jilħaq qbil mal-PM Taljan dwar l-450 immigrant

L-450 immigrant li lbieraħ kienu fil-qofol ta’ kwistjoni oħra bejn Malta u l-Italja, possibilment se jkunu qed jinqasmu bejn diversi pajjiżi.

Dan wara li sorsi qrib il-Gvern Taljan kienu kkwotati mill-aġenzija ANSA jgħidu li l-Prim Ministru Giuseppe Conte qiegħed f’kuntatti biex pajjiżi oħra Ewropej jieħdu lil uħud mill-immigranti. Intqal li f’ittra lit-tmexxija tal-Unjoni Ewopea, Conte argumenta li l-Italja ma tistax terfa’ weħidha l-piż ta’ problema li taffettwa lill-Unjoni Ewropea kollha.

Dwar din il-kwistjoni l-Prim Ministru Joseph Muscat qal li kien tkellem mal-Prim Ministru Taljan wara li dan tal-aħħar talbu jkun solidali mal-Italja, u kkonferma li Malta se tipparteċipa f’inizjattiva biex l-immigranti jinqasmu bejn il-pajjiżi.

Iktar kmieni l-immigranti ittieħdu fuq żewġ vapuri tas-salvataġġ, filwaqt li tmien nisa u tfal ittieħdu mill-Guardia Costiera lejn Lampedusa minħabba li kellhom bżonn il-kura. Total ta’ 176 immigrant ittellgħu fuq il-bastiment Protector li qed jiġi operat taħt il-missjoni tal-Frontex, u 266 fuq il-bastiment Monte Sperone tal-Guardia di Finanza.

Dan seħħ wara li għal darb’ oħra l-Ministru għall-Intern Taljan Matteo Salvini u l-Ministru għat-Trasport Taljan Danilo Toninelli qalu li kellha tkun Malta li tiġbor lil dawn l-immigranti u ddaħħalhom fil-portijiet tagħha.

L-awtoritajiet Taljani qalu li d-dgħajsa bl-immigranti kienet ġiet identifikata meta kienet għadha f’ibħra li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà ta’ Malta għall-fini ta’ salvataġġ. Qalu li Malta bagħtet l-assistenza bl-ajru iżda ma bagħtet l-ebda bastiment, u li kienet talbet lill-Italja biex tintervjeni. Sadanittant id-dgħajsa bl-immigranti laħqet daħlet f’ibħra Taljani.

Iżda min-naħa tiegħu l-Gvern Malti sostna li kien ħares l-obbligazzjonijiet tiegħu skont regoli internazzjonali. Fi stqarrija l-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Malti qal li meta kien infurmat bid-dgħajsa, din kienet għadha kemm qasmet mill-ibħra ta’ salvataġġ Libjani għal ġol-ibħra ta’ salvataġġ Maltin.

Dak il-ħin id-dgħajsa kienet 53 mil nawtiku ‘l bogħod minn Lampedusa u 110 mil nawtiku ‘l bogħod minn Malta. Meta l-persuni abbord id-dgħajsa ġew ikkuntattjati, dawn qalu li jixtiequ jkomplu l-vjaġġ lejn l-Italja. Peress li kienu jinsabu f’ibħra internazzjonali, l-awtoritajiet Maltin ma setgħux jobbligawhom jibdlu d-direzzjoni, għalhekk baqgħu jżommu għajnejhom fuqhom sakemm daħlu f’ibħra Taljani.

Intant, wara dan l-episodju, kien irrappurtat li Salvini kien qed jinsisti mal-Prim Ministru Guiseppe Conte li l-immigranti għandhom jittieħdu lejn Malta jew il-Libja bil-għan li l-Italja tieqaf lit-traffikanti u tqanqal reazzjoni mill-Unjoni Ewropea.

Ara wkoll:

Dgħajsa b’450 immigrant abbord – l-Italja tgħid li tinsab fl-ibħra Maltin u trid tidħol Malta