Lokali
L-abbozz ta’ ftehim finali mal-grupp Corinthia se jindirizza t-tħassib ġenwin – PM

Il-Prim Ministru Joseph Muscat assigura li l-abbozz ta’ ftehim finali li se jiġi ppreżentat għall-ftehim mal-grupp Corinthia se jindirizza t-tħassib ġenwin li tqajjem minn kwartieri differenti. Mistoqsi dwar il-valur tal-art, il-Prim Ministru qabbel dan il-ftehim ma’ dak dwar Smart City. Qal li bid-daqs ta’ maduma fil-każ tal-Corinthia, inxtrat l-art fi Smart City kollha.

Jibqa’ fuq l-aġenda pubblika l-proġett propost mill-grupp Corinthia għall-iżvilupp ta’ żewġ lukandi ta’ sitt stilel u żewġ kumplessi residenzjali u kummerċjali fuq art fuq ir-riħ tal-bajja ta’ San Ġorġ.

Il-gvern ċaħad rapporti fil-media li reġa’ fetaħ in-negozjati mal-Corinthia biex ibiddel it-termini tal-ftehim wara twissija li jista’ jkun se jikser r-regoli tal-Unjoni Ewropea dwar għajnuna mill-istat.

Mistoqsi f’Kastilja dwar il-ftehim mal-Corinthia, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-abbozz ta’ ftehim finali se jindirizza tħassib ġenwin li tqajjem u saħaq li l-gvern hu fid-dmir li jimxi b’ġustizzja ma’ kulħadd.

Il-Prim Ministru qal “nagħtik eżempju. Il-każijiet kollha ta’ konċessjonijeit governattivi ta’ artijiet governattivi lill-privat sal-lum il-ġurnata kollha kienu b’ċens perpetwu. Ma nistax nifhem għaliex għandna niddiskriminaw ma’ investitur Malti meta lil Smart City m’għamilnielux din il-kundizzjoni. Smart City jistgħu jaqdu l-art u jbiegħuha mingħajr problema ta’ xejn. U tajnihom ammont sostanzjali, il-gvern ta’ qabel. Inħarsu lejn is-sitwazzjoni tal-MIDI m’għandhomx din it-tip ta’ constraint.”

Mistoqsi dwar il-kritika fuq il-valur tal-art u l-ħlas li se jintalab il-grupp Corinthia, il-Prim Ministru fakkar li l-Corinthia kellhom titlu tal-art mogħti mill-gvern preċedenti għal 200,000 fis-sena u jekk iridu għall-75 sena li ġejjin iħallu kollox kif inhu. Qal li minflok qed jipproponu li jagħmlu investiment qawwi. Dr Muscat iddefenda l-prezz u qabblu mal-kuntratt ta’ Smart City.

Il-Prim Ministru qal “maduma li se nbigħu lill-Corinthia nxtrat Smart City kollha. Jiġifieri meta tqis, hemmhekk irridu naraw il-valur tal-art. Il-valur tal-art hu determinat minn esperti indipendenti u noqoghdu fuqhom aħna.”

Sadanittant, tliet Kunsilli Lokali: ta’ Pembroke, tas-Swieqi u ta’ San Ġiljan, seba’ għaqdiet mhux governattivi u gruppi ta’ residenti ngħaqdu flimkien u f’ittra lic-Chairman tal-Kumitat Permanenti dwar l-Ambjent u l-Ippjanar tal-Iżvilupp Alex Muscat talbuh ilaqqa’ b’urġenza l-kumitat. Irrimarkaw li għalkemm din mhix applikazzjoni għal żvilupp, l-abbozz ta’ ftehim mal-Corinthia jirreferi għar-reklamazzjoni tal-baħar u aspetti oħra li jitolbu li jinkiseb permess għall-iżvilupp. Huma qalu li l-kundizzjonijiet tal-ftehim mal-Corinthia se jkollhom effett fuq il-partijiet interessati, il-pubbliku u l-ambjent b’effett fuq il-kwalità tal-ħajja. Qalu li l-pubbliku għandu dritt ikun jaf sarux l-istudji meħtieġa għal żvilupp daqstant kbir.

Aħbarijiet Oħra
Politika

Il-mexxej tal-Partit Demokratiku, Dr. Godfrey Farrugia, iddeċieda li joħroġ għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew. Meta ħabbar it-tliet kandidati tiegħu, il-PD kien indika li dawn in-nomini kienu finali, u li ma kinux se…

Kronaka

Qed issir tfittxija għal Mary Muscat li ġiet irrappurtata nieqsa fit-18 t’April 2019 għall-ħabta tat-15:00. Hija dehret l-aħħar nhar is-17 t’April 2019 għall-ħabta tal-23:35. Mary Muscat tbati bid-Dimenzja. Kull min…

Reliġjon

Tmien adulti minn seba’ pajjiżi differenti se jirċievu s-sagramenti tal-bidu tal-ħajja nisranija mill-Arċisqof, Monsinjur Charles J. Scicluna, illejla, waqt iċ-ċerimonja tal-Vġili tal-Għid fil-Konkatidral ta’ San Ġwann. Iċ-ċelebrazzjoni tal-Vġili tal-Għid se…

Kronaka

Karozza tat-tip Mitsubishi Shogun qalbet mutur tal-pulizija fil-Ħamrun. Il-Pulizija qalet li dan ġara wara li l-pulizija waqqfu ġuvni ta’ 24 sena minn Ħal Tarxien iżda dan ma koperax, irreżista u…

Aktar