Ambjent
L-aċċess għal ambjent san u n-natura hu fundamentali għall-bniedem – l-MPE Cyrus Engerer

Il-Membru Parlamentari Ewropew Cyrus Engerer sejjaħ lill-awtoritajiet biex jagħtu iktar importanza lill-benefiċċji għas-saħħa mentali tal-bniedem billi jissalvagwardjaw l-aċċess għan-natura u l-biodiversita’.

Cyrus Engerer kien mistieden jaqsam il-ħsibijiet tiegħu, bħala Ko-President tal-Alleanza fil-Parlament Ewropew ta’ Menta Health Europe, fil-ftuħ ta’ konferenza organizzata minn Mental Health Europe u l-Istitut Ewropew għall-Politika dwar l-Ambjent, fejn ġew varati numru ta’ rakomandazzjonijiet lill-Membri Parlamenti Ewropew u leġislaturi Ewropej dwar il-korelazzjoni bejn l-ambjent u s-saħħa mentali.

Engerer saħaq fuq l-importanza li dawk li jaħdmu fil-qasam tal-politika ambjentali u tal-ippjanar jgħarfu l-impatt fuq is-saħħa mentali tal-bniedem bid-deċiżjonijiet li jkunu qegħdin jieħdu. Qal li l-aċċess għan-natura jew għal infrastruttura ambjentali jkollha impatt fuq il-benessere tas-soċjeta’. Engerer qal li kulħadd għandu x’jitgħallem mill-pandemija Covid-19 u li għandna nkunu preparati li t-tibdil fil-klima jista’ jġib pandemiji oħra. Għaldaqstant spjega li għandna minn issa nibdew naħdmu fuq il-piż li dan kollu għandu fuq is-saħħa mentali tal-individwu.

L-Ewroparlamentari Engerer, li matul l-2020 kien il-ko-President tal-Kunsill Konsultattiv għall-Ippjanar Intelliġenti fi ħdan il-Ministeru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar ħeġġeġ lill-Gvern, Kunsilli Lokali, is-Soċjeta’ Ċivili u l-Għaqdiet Non-Governattivi biex ikollhom approċċ olistiku dwar l-aċċess għan-natura, filwaqt li faħħar l-opportunitajiet għall-finanzjament mill-Gvern għal proġetti ambjentali matul is-sena li għaddiet.

Engerer ikkonkluda billi wiegħed dan l-approċċ fil-ħidma tiegħu fil-Parlament Ewropew, speċjalment fix-xogħol fil-Kumitat għall-Ambjent u s-Saħħa Pubblika fuq l-istrateġija dwar il-Biodiversita’ 2030, li bħalissa qed tiġi diskussa f’dan il-kumitat.

Engerer temm id-diskors tiegħu billi qal li l-politika għas-saħħa mentali tal-Unjoni Ewropea ma għandiex tibqa’ diskussa sempliċiment mil-lat kliniku, iżda għandha tiffoka fuq il-bniedem fl-intier tiegħu.