Politika
L-AD tniedi dak li qed issejjaħ pjan aħdar biex l-ekonomija terġa’ tqum fuq saqajha wara l-pandemija

Alternattiva Demokratika nediet dak li qed issejjaħ pjan aħdar biex l-ekonomija tqum fuq saqajha mill-ġdid wara l-pandemija. Id-dokument jinkludi tnax-il punt li qalet huma bbażati fuq is-solidarjetà.

Għall-Alternattiva Demokratika, dan iż-żmien huwa opportunità biex is-settur turistiku u tal-bini jiġu ridimensjonati. Iċ-chairman tal-Alternattiva Demokratika, Carmel Cacopardo qal li l-viżjoni tagħhom hija li l-futur ikun ibbażat fuq is-solidarjetà għall-bnedmin u n-natura. Huwa qal li l-Alternattiva Demokratika hija l-uniku partit li jgħid li t-taxxi ambjenti jistgħu jintużaw biex jagħmlu l-ġid.

It-tnax-il punt ivarjaw mill-agrikoltura għall-mediċini, dħul bażiku universali, enerġija li tiġġedded u trasport u l-ilma.

Il-Perit Cacopardo spjega kif il-punt fundamentali ta’ kollox hija solidarjetà bejn il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea, mhux biss dwar l-immigrazzjoni, imma qal li Malta għandha wkoll responsabbiltajiet li ma tibqax tinkoraġixxi l-evażjoni tat-taxxa anke fuq livell Ewropew.