Politika
L-AD u l-PD isiru partit wieħed b’mod uffiċjali

Alternattiva Demokratika u l-Partit Demokratiku issa huma uffiċjalment partit politiku wieħed, magħruf bħala ADPD.

L-istatut u l-formazzjoni tal-kumitat eżekuttiv ġew approvati llum f’laqgħa ġenerali ta’ Alternattiva Demokratika, li segwiet l-approvazzjoni fil-laqgħa ġenerali tal-Partit Demokratiku fil-jiem li għaddew. L-isforzi għal din l-għaqda ilhom għaddejjin minn tarf is-sena li għaddiet, bil-partit politiku se jkun imsieħeb fil-Partit tal-Ħodor Ewropej.

Bl-għaqda ta’ Alternattiva Demokratika u l-Partit Demokratiku f’partit wieħed, l-ADPD se jibqa’ assoċjat mal-ħodor anki fuq livell Ewropew. L-istatut kif approvat jgħid li l-partit huwa wieħed ekoloġiku u progressiv ibbażat fuq il-prinċipji bażiċi ħodor li huma l-għarfien ekoloġiku, is-solidarjetà, il-ġustizzja soċjali, id-demokrazija parteċipattiva, in-non vjolenza, is-sostenibilità, r-rispett tad-diversità, s-saltna tad-dritt, il-kontabilità u t-trasparenza.

Il-kumitat tat-tmexxija tal-ADPD għandu fost oħrajn lil Carmel Cacopardo bħala Chairperson u lil Ralph Cassar bħala s-Segretarju Ġenerali. Intqal li dan hu eżekuttiv ta’ tranżizzjoni biex jikkonsolida l-għaqda u se jwassal sa Mejju li ġej meta ssir l-ewwel laqgħa ġenerali annwali tal-partit magħqud. Il-ftehim tal-għaqda jaħseb biex il-partit il-ġdid jibqa’ juża l-mekkaniżmu organizzattiv ta’ Alternattiva Demokratika li ilha mwaqqfa 31 sena.

Iċ-chairperson tal-kumitat ta’ tmexxija, Carmel Cacopardo, qal li l-ADPD se jibqa’ jinsisti fuq livell Ewropew li jiġi emendat it-trattat ta’ Dublin biex il-gvernijiet jerfgħu parti mill-piż tal-immigrazzjoni, li qal hu wisq għal Malta. Saħaq li Malta mhix ‘full up’ għax għandha r-responsabilità tas-solidarjetà u f’dan il-kuntest appella għal użu ta’ kliem li jirrifletti l-valuri li jħaddan il-poplu Malti.

Tkellem ukoll dwar il-ħtieġa ta’ azzjoni fuq il-klima. Spjega li filwaqt li l-Gvern ilu tliet snin jgħid li qabbad esperti biex ifasslu strateġija biex tieqaf l-importazzjoni ta’ karozzi li jużaw fjuwil, qatt ma ntqal xejn aktar uffiċjalment għax skont il-Perit Cacopardo l-gvern ma jafx minn fejn se jiġbor it-taxxi li sal-lum jiġbor minn fuq il-fjuwil. Żied li s-soluzzjoni mhix biss li ssir qalba għal karozzi li jħammġu anqas l-ambjent, imma wkoll li jitnaqqsu l-karozzi mit-toroq.

F’dan l-isfond qal li ma jagħmilx sens l-investiment fl-infrastruttura tat-toroq meta minflok jista’ jsir investiment f’metodi alternattivi ta’ trasport. Fakkar li l-masterplan tat-trasport wera li 50% tal-vjaġġi jieħdu inqas minn kwarta u dan ifisser li jistgħu faċilment isiru bil-pass, bir-rota jew bit-trasport pubbliku minflok bil-karozzi privati.