Politika
L-AD u l-PD jaqblu formalment li jingħaqdu f’partit wieħed

Il-Partit Demokratiku u l-Alternattiva Demokratika qablu formalment li ż-żewġ partiti jingħaqdu flimkien, bil-Partit il-ġdid se jkun jismu AD/PD. Fi stqarrija, iż-żewġ partiti qalu li dan il-ftehim intlaħaq wara xhur ta’ diskussjoni u azzjoni politika konġunta bejn iż-żewġ partiti.

Qalu li fil-klima nazzjonali ta’ diviżjoni u firda, kemm l-Alternattiva Demokratika kif ukoll il-Partit Demokratiku jirrikonoxxu l-bżonn ta’ politika li taħdem favur il-ġid tal-pajjiż kollu kemm hu.

Il-Partiti qalu li fil-ġimgħat li ġejjin se jkunu qed jaħdmu flimkien, bis-saħħa ta’ Eżekuttiv magħqud magħmul minn tim tranżitorju.

Spjegaw li l-għan huwa li ma jdumx ma jkun iffinalizzat il-proċess biex il-partiti, uffiċjalment, jingħaqdu f’partit wieħed immexxi minn Eżekuttiv ġdid li se jkun elett wara l-ewwel Laqgħa Ġenerali li se tissejjaħ mill-partit magħqud. L-għan huwa li dan il-proċess ikun konkluż sal-aħħar ta’ Settembru 2020.