Waqt il-Kafé
L-Addolorata u l-Erwieħ fil-lingwa tagħna

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

Jien għext tfuliti u żgħożiti f’Raħal Ġdid, mhux bogħod wisq mill-Addolorata. Għalkemm issib uħud jiddejqu, għalina li tmur passiġġata fil-kampanja maġenb iċ-ċimiterju kienet ħaġa normali. Bħala tifel, għalija l-Addolorata kien qisu ġnien ieħor. Imbagħad, iċ-ċimiterju bdejt narah f’dawl ieħor meta attendejt l-ewwel funeral.

Kien hemm żmien, mhux bogħod wisq, li l-patri taċ-ċimiterju kien jorqod u jqum hemm ġew stess. Ma naħsibx li kulħadd kapaċi jagħmilha. Kien hemm żmien meta l-kaċċaturi kienu jisparaw anki barra l-ħitan tiegħu u mhux l-ewwel darba kienu jidħlu għall-priża tagħhom ġewwa wkoll. Anki funtana bil-ħut tal-ilma ħelu kien hemm. Illum din mitluqa u siekta daqs ir-residenti kollha tal-post.

L-Addolorata, f’Novembru dejjem iżuruh ħafna nies. Niftakar anki tfal jagħmluha ta’ parkers fl-għelieqi tal-qrib forsi jdabbru xi ftit soldi. Minbarra dawk li jbiegħu il-fjuri tas-soltu, maż-żmien bdew jiġu anki bejjiegħa oħrajn u barra ċ-ċimiterju f’Novembru sar suq. Mhux hekk biss. Għal Diċembru ġieli quddiemu armaw it-tinda tal-kummiedja wkoll!

Iċ-ċimiterju tal-Addolorata, fuq il-għolja Tal-Ħorr, infetaħ f’Mejju tal-1869. Kien inbena fuq disinn tal-Perit Emmanuele Luigi Galizia biex fi bliet magħluqin bħall-Belt Valletta, il-Furjana u l-bliet tal-Kottonera ma jibqax isir aktar dfin fil-kannierji. L-awtoritajiet bdew jibżgħu minn xi epidemija bid-dfin tant qrib ir-residenzi u għażlu alternattiva ta’ midfna kbira aktar għall-arja u bogħod mill-bliet.

L-ewwel difna seħħet tliet snin wara l-ftuħ. U ma kinitx ta’ xi ħadd mill-bliet li semmejt qabel. Fl-isptar ċentrali tal-Furjana kienet mietet tallaba toqgħod in-Naxxar, Anna Magro. Peress li ħadd ma mar jiġbor il-kadavru għad-dfin, l-awtoritajiet iddeċidew li jidfnuha fiċ-ċimiterju l-ġdid. Minn dakinhar iċ-ċimiterju kiber fid-daqs u fih hemm midfunin mat-terz ta’ miljun persuna.

Minbarra li nżuruhom f’Novembru, lill-erwieħ inħobbu nsemmuhom spiss, anki fejn forsi mhux xieraq. Imqar wara xi biċċa xogħol kbira, kif nistrieħu ftit, toħroġ waħidha l-frażi, “Għall-Erwieħ!” Ukoll meta nieklu xi ikla żul minn hemm, arana nħollu xi żewġ buttuni minn fuq żaqqna u, “Għall-Erwieħ!” U meta tasal il-paga, jew nieħdu xi riżultat tajjeb f’xi eżami, jew neħilsu minn xi biċċa inkwiet… f’kull mument meta nistrieħu minn xi toqol tal-ħajja, lill-erwieħ ma ninsewhomx!

“Għall-Erwieħ” hawn min jużaha anki f’mumenti oħrajn ta’ mistrieħ… imma mhux xieraq insemmuhom hawn!

Aħbarijiet Oħra
Annimali

F’dan iż-żmien tas-sena ħafna jsibu ħin biex jagħmlu atti ta’ imħabba jew solidarjetà mal-oħrajn. Artista Franċiża li tgħix Malta ddeċidiet li ttella’ wirja b’pitturi biex bil-flus li tiġbor mill-bejgħ tagħhom,…

Mużika

Il-kunċert tal-President għas-Sena l-Ġdida se jżomm mat-tradizzjoni u jsir fl-Epifanija fis-6 ta’ Jannar f’Dar il-Mediterran għall-konferenzi l-Belt. Il-kunċert b’kollaborazzjoni ma’ Festival Malta u l-Orkestra Filarmonika ta’ Malta se jsir b’risq…

Kronaka

L-awtoritajiet tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin qed jinvestigaw il-mewt ta’ priġunier Malti ta’ 26 sena li nstab mejjet. Television Malta jinsab infurmat li l-priġunier neħħa ħajtu. Iż-żagħżugħ kien daħal il-ħabs ilbieraħ,…

Lokali

Il-Ministru għall-Ambjent Jose Herrera ħabbar skema għal sajjieda biex jiġbru l-iskart tal-plastik li jinqabad fix-xbieki tagħhom minn qiegħ tal-baħar. Is-sajjieda ser jiġu kkumpensati għal plastik li jinġabar minnhom. Qal li…

Aktar