Politika
L-ADPD jikkritika l-proposta tal-Gvern għal iktar ugwaljanza fil-Parlament

Kelliema għall-ADPD, Sandra Gauci, qalet li l-proposta tal-Gvern biex jindirizza l-iżbilanċ bejn is-sessi fil-Parlament hi degradanti u diskriminatorja. Sostniet li mhux minnu li s-sistema proposta hi xi forma ta’ kwota, iżda hi biss ‘top up’ ta’ kandidati nisa Laburisti u Nazzjonalisti li ma ġewx eletti.

Sandra Gauci qalet li l-iżbilanċ bejn is-sessi għandu jiġi indirizzat kif suppost. Qalet li l-kandidati nisa għandu jkollhom l-opportunità xierqa li jikkompetu għal siġġu fil-Parlament bl-istess mod bħal kandidati rġiel.

Iċ-Chairperson ta’ ADPD, Carmel Cacopardo, qal li ADPD diġà pproponiet aktar minn sena ilu sistema alternattiva bbażata fuq listi ta’ partiti bilanċjati bejn il-ġeneri kif diġà sar f’diversi pajjiżi Ewropej oħra. Qal li l-kummissjoni fdata bir-riformi proposti skartat il-proposti ta’ ADPD mingħajr ma kkunsidrat li tiddiskuti l-proposti fil-fond jew li twettaq riċerka dwar proposti diversi.

Carmel Cacopardo qal li d-dikjarazzjoni tal-Oppożizzjoni li se tfittex li tmexxi emendi, b’mod partikolari biex tindirizza d-diskriminazzjoni kontra partiti oħra, hi ta’ min ifaħħarha, iżda dan mhux biżżejjed, għax it-traqqiegħ tas-sistema elettorali attwali ma tantx se jagħti frott.