Trasport
L-ADPD kontra l-metro – tgħid li toħloq wisq problemi ambjentali

Iċ-Chairperson ta’ ADPD Carmel Cacopardo qal li meta jitqies kollox il-proposta għal metro mhijiex tajba għax toħloq wisq problemi ambjentali u thedded kemm il-wirt storiku u anke wħud mill-ftit spazji miftuħa li fadal.

F’konferenza tal-ahbarijiet f’Birkirkara, il-Perit Cacopardo qal li s-soluzzjoni reali għall-konġestjoni hi l-ħolqien ta’ alternattiva għall-karozzi bl-intenzjoni li fuq perjodu ta’ żmien dawn jonqsu mit-toroq għax b’mezzi alternattivi tkun possibbli mobilità iktar faċli.

Huwa qal li dan l-iskop irid jintlaħaq b’mezzi ta’ trasport tal-massa u semma bħala eżempji s-servizz tal-Bus Rapid Transit, it-tramm f’livell tat-triq u l-metro elevat mil-livell tat-triq u qal li dawn qed jiġu injorati mill-Gvern u l-konsulenti tiegħu.

Iċ-Chairperson tal-ADPD qal li l-proposta tal-ARUP b’metro taħt l-art se tfisser miljuni ta’ metri kubi ta’ radam li gie indikat li jista’ jintuża għar-riklamazzjoni tal-art.

Huwa żied li jittama li dan ma jfissirx li wara li tħarbtet l-art il-Gvern ma jibdiex it-triq biex iħarbat il-baħar ukoll bl-iskuża tal-iskart iġġenerat mill-metro.