Politika
L-ADPD tappella għal reviżjoni fil-politika tal-ippjanar dwar l-użu ta’ enerġija mix-xemx

Fi stqarrija ċ-Chairperson ta’ ADPD Carmel Cacopardo saħaq illi l-politika dwar l-ippjanar tal-użu tal-art għandha tkun aġġustata biex ikun imħares id-dritt ta’ aċċess għax-xemx u b’hekk ikunu kkoreġuti l-pjani lokali.

Cacopardo qal li l-pjani lokali, li kienu approvati ftit iktar minn 14-il sena ilu, fl-2006, ġabu sfreġju sħiħ madwar Malta u Għawdex kollha, hekk kif kienu żiedu l-għoli permissibli tal-iżvilupp f’diversi lokalitajiet. Bħala riżultat ta’ dan, bini b’għoli ta’ mhux iktar minn żewġ sulari spiċċa magħluq bejn blokki ta’ flats. Billi dan issa qiegħed b’mod permanenti fid-dell la jista’ jiġġenera enerġija mix-xemx u l-anqas ma jista’ jipproduċi misħun għall-użu domestiku bis-sħana tax-xemx.

Hu żied jgħid li huwa possibbli li jkunu introdotti drittijiet dwar l-aċċess għax-xemx f’bini ġdid bla iktar dewmien. L-ADPD sejħet biex ir-regoli tal-ippjanar jistgħu ikunu emendati b’mod li jkun assigurat li fil-bini l-ġdid, b’mod partikolari fil-bini ta’ appartamenti, ikun possibbli li min fuq il-bjut tagħhom tkun iġġenerata l-enerġija mix-xemx.