Skart
L-ADPD taqbel li l-iskart ma jibqax jinġabar minn wara l-bieb

Iċ-Chairperson tal-ADPD, Carmel Cacopardo, qal li l-partit jaqbel mal-proposta tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali li minflok jinġabar minn wara l-bibien tad-djar l-iskart ikun jista’ jiġi depożitat f’għadd ta’ postijiet fissi fil-lokalitajiet.

Il-Perit Cacopardo qal li biex din il-proposta titwettaq jeħtieġ ippjanar u titjib fl-infrastuttura lokali u għal dan il-għan ippropona li jsir studju li janalizza dawn il-proposti u biex ikun hemm soluzzjonijiet alternattivi għal dawk li għandhom problema ta’ mobilità bħal anzjani u persuni b’diżabilità.

Meta rrefera għas-sistema preżenti semma bħala eżempju lil San Pawl il-Baħar, fejn saret il-konferenza tal-aħbarijiet, u qal li l-boroż bl-iskart li jitħallew addoċċ fuq diversi bankini mhux biss ikerrhu l-ambjent iżda qed ikunu ta’ xkiel għal min ikun miexi fit-triq speċjalment persuni b’diżabilità.

Id-Deputat Segretarju Ġenerali tal-ADPD qalet li l-politika dwar l-iskart teħtieġ li tkun aġġornata għax baqgħet marbuta ma’ soċjetà differenti milli għandna llum.