Lokali
AĠĠORNAT (2): Il-PM f’kuntatt mal-Pulizija biex jiżgura s-sigurtà lil Manuel Delia; kundanna minn Bernard Grech
Kemm il-Prim Ministru Robert Abela kif ukoll il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech ikkundannaw it-theddid li sar lill-blogger Manuel Delia.
Il-Prim Ministru kien anke f’kuntatt mal-Pulizija biex jiżgura li tingħata s-sigurtà lil Delia u lil familtu.
Min-naħa tiegħu l-Kap tal-Oppożizzjoni qal li mhux aċċettabbli li xi ħadd jirċievi dan it-tip ta’ theddid u staqsa meta Malta se tkun pajjiż sigur għal kulħadd.
L-IĠM u l-ADPD jikkundannaw it-theddid
L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin (IĠM) qal li huwa jinsab imħasseb bl-istqarrija ta’ Delia u sostna li l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia ittrawmatizza l-industrija tal-media f’Malta u l-ġurnalisti jaħdmu bl-għarfien li hemm nies perikolużi lesti joqtluhom.
Waqt li rrikonoxxa li xogħol il-ġurnalisti għandu jkun suġġett għall-kritika u skrutinju, l-IĠM qal li hemm linji ta’ diċenza bażika umana li qatt m’għandha tinqabeż u jekk aktar ġurnalisti jitilqu mill-professjoni l-vittma vera tkun is-soċjetà għax id-dritt għall-informazzjoni jkun imxekkel.
Aktar kmieni ċ-Chairperson tal-ADPD Carmel Cacopardo qal li l-aħbar li Delia se jitlaq minn Malta minħabba dak li sejjaħ theddid li rċieva fuq ħajtu għandha tixxokkjana lkoll u sostna li l-forzi tal-ordni jidher li qishom mhux hawn u ma jinħassux waqt li fisser lill-pajjiż bħala marid.
Huwa żied jgħid li sfortunatament il-mibegħda fis-soċjetà Maltija għandha għeruq fondi, kif jidher kontinwament fil-kummenti fil-media soċjali, u żied li f’dan il-mument ta’ biża’ jesprimi solidarjetà ma’ u l-familja tiegħu u tenna li s-sagrifiċċji tiegħu u ta’ oħrajn li qed isofru fis-skiet għad iridu jissarrfu meta dan il-pajjiż jinfeda mill-“biża’ u mibegħda”.