Lokali
L-aġenti tal-ivvjaġġar jitolbu għal inċentivi biex ipattu għall-flus li se jitilfu

L-aġenti tal-ivvjaġġar qed jappellaw għal iktar għajnuna mingħand il-Gvern fid-dawl tal-impatt finanzjarju qawwi li sofrew minħabba l-pandemija.

Il-President tal-FATTA qal lil Television Malta li għalkemmm ibbenefikaw mis-suppliment tal-pagi, l-aġenti tal-ivvjaġġar jeħtieġu inċentivi finanzjarji oħra biex ilaħħqu mal-piż li waqa’ fuqhom. Dan hekk kif huma obbligati bil-liġi li jirrifondu flus lill-klijenti li tħassrulhom il-btajjel fix-xhur ta’ wara li feġġ il-Covid.

L-aġenti tal-ivjaġġar jinsabu maqbudin f’morsa minħabba li jridu jagħtu rifużjoni lill-klijenti tagħhom tal-flus li jkunu ħallsu għas-safar. Fl-istess waqt mhux l-operaturi turistiċi kollha huma obbligati bil-liġi li jirrifondu dawn il-flus, fosthom il-kumpaniji tal-vapuri tal-passiġġieri u l-lukandi.

“Sitwazzjoni diżastruża. Fis-sens li n-nies kienu ħallsu l-flus biex imorru l-btala, l-aġenti kienu ħallsu lukandi barra minn Malta, ħallsu lil-linji tal-ajru biex ibbukkjaw is-seats tan-nies u għall-gruppi li kien se jkollna fis-sajf, il-cruiseliners, l-aġenti bbukkjaw il-kabini, dan kollu f’daqqa waħda jieqaf kollox.”

Dan l-istess sentiment esprimewh ma’ Television Malta, aġenti oħrajn tal-ivjaġġar li qalu kif għaddiet sena u għalkemm jidher xaqq ta’ dawl, se jibqgħu jbatu l-konsegwenzi finanzjarji ta’ btajjel li tħassru f’dawn l-aħħar xhur.

F’kummenti ma’ TVM, il-President tal-Assoċjazzjoni tal-Aġenti tal-Ivvjaġġar, il-FATTA Iain Tonna,qal li l-assoċjazzjoni ressqet numru ta’ proposti biex il-Gvern jagħmel tajjeb għalihom b’għotja jew self bla interessi lill-aġenti tal-ivvjaġġar, biex ikunu jistgħu jonoraw l-obbligi tagħhom mal-klijenti mingħajr ma jfallu. F’ċerti każijiet, is-Sur Tonna qal li l-flus qatt ma se jiġu lura.

“Hemm airlines fallew issa, jiġifieri żgur mhux se nieħdu flus lura. Jien kif nista’ nagħtik il-flus lilek ta’ airline li falliet u mhux se tagħtini l-flus. Se noħroġhom minn tiegħi?”

Intervistat f’Insights fuq TVM, iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Airmalta David Curmi qal li l-linja nazzjonali tal-ajru ħarġet €22 miljun f’rifużjoni lill-klijenti li tħassritilhom it-titjira, filwaqt li ħarġet 70,000 vawċer lil min ma riedx flus lura.

Is-Sur Tonna qal li l-aġenti tal-ivjaġġar ibbenefikaw mis-suppliment tal-pagi, madanakollu appella lill-awtoritajiet biex dan is-settur jingħata iktar sostenn finanzjarju.

“Il-bejgħ tagħna mit-13 ta’ Marzu ‘l hawn kien zero. Min żamm l-impjegati ilu sena jħallashom mingħajr dħul, qed joħroġ il-flus minn ġewwa bit-tama li meta jippickja x-xogħol ikollu l-istaff tajbin għandhom miegħu.”

Għalkemm l-aġenti tal-ivvjaġġar huma fiduċjużi li matul dan is-sajf, se jkun hemm ċaqlieqa, xorta huma tal-fehma li jridu jgħaddu iktar xhur biex jirkupraw u jagħmlu l-qligħ li kienu jagħmlu qabel feġġet il-pandemija.