Lokali
It-tifla Niġerjana mietet b’kundizzjoni medika kawża ta’ anemija – Il-Ministru Michael Falzon

Il-Ministru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali Michael Falzon qal li t-tifla Niġerjana mietet fid-Dipartiment tal-Emergenza fl-isptar b’kundizzjoni medika kawża ta’ anemija u mhux kif irappurtat minħabba nuqqas ta’ nutrizzjoni.

Huwa qal li testijiet tad-demm li saru fuq iż-żewġt aħwa tat-tifla wara li ħarġet l-ordni ta’ ħarsien juru li ma kien hemm l-ebda nuqqas ta’ nutrizzjoni.  Qal ukoll li t-tifla kienet tgħix mal-familja tagħha fi proprjetà mogħtija mis-sorijiet Dumnikani u ma kinitx taħt ir-responsabbiltà tagħhom. Lanqas ma kienet tgħix f’dar immexxija mill-Appoġġ jew xi agenzija oħra tal-Gvern.

Il-Ministru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali Michael Falzon qal li bħalissa l-Aġenzija Appoġġ qed tinvestiga 151 każ ta’ protezzjoni ta’ tfal.

Il-Ministru Michael Falzon li kien qed jitkellem fl-Aġġornament tal-Parlament l-Erbgħa filgħaxija qal li l-istess aġenzija qed issegwi 270 tfal oħra li jgħixu f’familji li jinħtieġu appoġġ waqt li taħdem ukoll ma erba’ mitt itfal jew adoloxxenti li jgħixu fi djar residenzjali jew fil-foster care.

Waqt li saħaq li l-Pulizija hija involuta biss fl-inkjesta Maġisterjali, il-Ministru għall-Familja Michael Falzon qal li l-Gvern lest jikkunsidra b’mod miftuħ kull rakkomandazzjoni li ssir biex jittejjeb is-servizz mill-aġenziji tiegħu.