Lokali
L-aġenzija Ġermaniża Scope iżżomm ir-rating ta’ A+ għal Malta minkejja d-deċiżjoni tal-FATF

L-aġenzija tal-kreditu Ġermaniża Scope reġgħet ikkonfermat ir-rating ta’ Malta fil-livell ta’ A+ bi prospetti stabbli.

Fl-aħħar analiżi tagħha ta’ pajjiżna, l-aġenzija qalet li kemm-il darba l-gvern ikompli bir-riformi li qed iwettaq fis-settur tal-ħasil tal-flus wara li tpoġġa fuq il-lista l-griża, ir-rating ta’ Malta jibqa’ sostnut mill-prudenza fiskali u mit-tkabbir ekonomiku li mistenni jirreġistra pajjiżna.

Dwar id-deċiżjoni tal-FATF li tpoġġi lil Malta fuq il-lista l-griża, Scope Ratings qalet li din ftit li xejn se jkollha impatt immedjat fuq ir-rating ta’ pajjiżna.

L-analista ta’ Scope Thibault Vasse qalet li n-nuqqasijiet ta’ Malta fil-qafas tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-iffinanzjar tat-terroirżmu huma diġà assessjati fir-rating ta’ Malta. Madankollu hija qalet li d-deċiżjoni tal-FATF jista’ jkollha impatt fuq ir-rating ta’ Malta f’każ li din tħarbat l-irkupru ekonomiku u l-appoġġ biex jissaħħu l-finanzi tal-pajjiż.

Hija żiedet tgħid li f’każ li Malta ddum fuq il-lista l-ġriża, dan jista’ jnaqqas milli pajjiżna jibqa’ attraenti għall-investiment u b’hekk jiġu affettwati l-prospetti ekonomiċi tagħha ta’ tkabbir, l-istabbiltà finanzjarja u l-abbiltà tagħha li ssaħħaħ il-finanzi pubbliċi.

Qalet li l-oqsma tal-egaming u tas-servizzi finanzjarji jistgħu jbatu kemm-il darba Malta ddum biex titneħħa minn fuq il-lista l-griża.

Madankollu l-Aġenzija Scope qalet li Malta għamlet progress notevoli biex issaħħaħ il-ġlieda tagħha kontra l-ħasil tal-flus u l-iffinanzjar tat-terroriżmu fl-aħħar snin, fejn iddedikat riżorsi sostanzjali lill-oqsma regolatorji, ta’ superviżjoni u tal-aġenziji investigattivi.

Qalet li l-Gvern Malti assigura li jadotta għodod ġodda biex isaħħaħ il-ġlieda tiegħu f’dawn l-oqsma u nieda bosta riformi istituzzjonali biex itejjeb l-inforzar.

L-Aġenzija qalet li n-nefqa fir-riżorsi umani biex ikun miġġieled il-ħasil tal-flus u l-iffinanzjarj tat-terroriżmu żdiedet b’17% u b’45% rispettivament.
Scope irriferiet ukoll għad-deċiżjoni li ħadet il-MONEYVAL f’April li għadda meta rrikonoxxiet il-konformità teknika ta’ Malta mal-istandards tal-FATF.

Vasse żiedet tgħid li l-gvern irid juri inforzar effettiv tad-deċiżjonijiet li ħa fl-aħħar snin. Qalet li l-pjan ta’ azzjoni ta’ Malta jinkludi impenn politiku biex jaħdem fil-qrib mal-FATF u mal-MONEYVAL biex jindirizza xi nuqqasijiet fl-oqsma tat-trasparenza, informazzjoni dwar sidien ta’ kumpaniji u intelliġenza finanzjarja.

L-aġenzija Scope żiedet tgħid li fl-aħħar snin il-gvern Malti wera r-rieda u l-abbiltà li jsaħħaħ is-sorveljanza finanzjarja u l-oqsma regolatorji.

“Dan il-momentum pożittiv għandu jinżamm biex jassigura t-tkabbir ekonomiku robust ta’ Malta li mistenni jħallaq it-3.5% u jsaħħaħ il-finanzi pubbliċi tiegħu billi jniżżel id-dejn tal-pajjiż fil-livell ta’ qabel il-pandemija”, qalet l-analista ta’ Scope

“Aħna qegħdin nistennew li l-ekonomija tirkupra b’mod mgħaġġel u l-livell tad-dejn jonqos konsiderevolment mill-2023”, qalet Vasse.