Ekonomija u Finanzi
L-aġenzija Moody’s tikklassifika lil Malta fil-livell A2 bi prospetti stabbli

L-aġenzija Moody’s ikklassifikat lil Malta fil-livell A2 bi prospetti stabbli. Fir-rapport, l-ekonomisti ta’ din l-aġenzija ta’ kreditu kellhom kliem ta’ tifħir għall-implimentazzjoni tar-riformi kostituzzjonali u istituzzjonali ibbażati fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-kummissjoni Venezja. Qalu wkoll illi kieku ma seħħitx il-pandemija, l-ekonomija Maltija kienet se tkompli tikber b’mod sostenibbli u r-rating kien jitjieb iktar. Wissew li madanakollu l-Covid jista’ jdgħajjef l-ekonomija, jekk tintlaqat ħażin l-industrija turistika.

L-aġenzija ta’ kreditu Moody’s faħħret ir-riformi kostituzzjonali u istituzzjonali li ġew approvati mill-Parlament fl-aħħar ta’ Lulju fuq rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Venezja tal-Kunsill tal-Ewropa.

L-ekonomisti tal-Moody’s qalu li filwaqt li l-isfidi istituzzjonali relatati mas-saltna tad-dritt, il-kontroll tal-korruzzjoni u s-superviżjoni fuq il-ħasil tal-flus jibqgħu jippersistu, jqisu r-riformi li ġew adottati bħala sinjal tar-rieda tal-Prim Ministru Robert Abela biex jindirizza l-isfidi istituzzjonali tal-pajjiż. Żiedu li l-effettività tar-riformi jiddependu fuq kemm dawn jiġu implimentati u segwiti maż-żmien.

Waqt li kklassifikat l-andament ekonomiku ta’ Malta fil-livell A2 bi prospetti stabbli, l-aġenzija ta’ kreditu internazzjonali qalet li l-profil ekonomiku ta’ Malta jibbalanċja bejn d-daqs żgħir tal-ekonomija, l-andament ta’ tkabbir ekonomiku u l-ġid iġġenerat fl-aħħar snin.

L-ekonomisti qalu li waqt li bejn l-2011 u l-2019, il-bilanċ bejn id-dejn tal-Gvern u t-tkabbir ekonomiku naqas, il-pandemija se twassal biex tħarbat it-tkabbir ekonomiku mbassar għal din is-sena fosthom minħabba t-tnaqqis sinifikanti fit-turiżmu. Intqal li qed jistennew li l-impatt tal-COVID fuq l-ekonomija jkun limitat u Malta terġa tirritorna għat-tkabbir ekonomiku s-sena d-dieħla.

It-tbassir tal-ekonomisti ta’ Moody’s huwa li din is-sena l-ekonomija Maltija ser tonqos b’6.9 fil-mija tal-Prodott Domestiku Gross minħabba l-impatt tal-pandemija u qed jistennew li s-sena d-dieħla l-ekonomija Maltija tirpilja mill-effetti tal-pandemija bi tkabbir ekonomiku ta’ 3.9 fil-mija.

Bil-miżuri ta’ emergenza li ittieħdu biex jilqgħu għall-effetti tal-coronavirus, l-ekonomisti qed ibassru li din is-sena, il-Gvern ser ikollu defiċit rekord ta’ 10.3 fil-mija wara snin ta’ surplus waqt li d-dejn tal-Gvern imqabbel proporzjonalment mal-ġid tal-ekonomjia se jitla għal madwar 56.6 fil-mija.

Aħbarijiet Oħra

Waqt il-programm TVAM, is-Supretendent għas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci tkellmet dwar is-sitwazzjoni tal-Covid-19 fid-djar tal-anzjani. Il-Professur Gauci kkonfermat li llum naqbżu t-3,000 każ ta’ Covid-19 f’Malta. Tkellmet ukoll dwar l-importanza…

Matul il-jum tal-Ħadd inġabret is-somma ta’ €1,436,955 għal Dar Bjorn. Il-maratona ta’ ġbir ta’ fondi saret sabiex tinfetaħ it-tieni Dar Bjorn għall-pazjenti bl-ALS u kundizzjonijiet newroloġiċi. Il-maratona bdiet f’nofsinhar u…

Is-satelliti li hawn fl-ispazju fuq Malta jipproduċu informazzjoni utli dwar il-kurrenti tal-baħar u l-effetti li għandhom fuq il-kosta Maltija. Grupp ta’ riċerkaturi mill-Università ta’ Malta ħolqu sistema teknoloġika li permezz tagħha…

Il-Ministeru għas-Saħħa ġie infurmat li anzjana ta’ 91 sena mietet waqt li kienet  pożittiva bil-Covid-19. L-anzjana kienet ikkonfermata pożittiva għall-Covid19, fl-10 ta’ Settembru u ddaħħlet l-isptar Mater Dei fit-22 ta’ Settembru,…

Aktar