Lokali
L-Aġenzija Sapport tħejji webinars għal familji ta’ persuni b’diżabilità

Minn nhar it-Tlieta, l-Aġenzija Sapport se tibda twassal sensiela ta’ workshops immirati għal ġenituri ta’ tfal u adulti b’diżabilità. Dawn il-webinars se jibdew jitwasslu kull ġimgħa u jittrattaw suġġetti ta’ interess għall-familjari ta’ persuni b’diżabilità matul dan il-perjodu tal-coronavirus.

Fi stqarrija ngħad li l-Aġenzija qed tieħu diversi inizjattivi sabiex tassigura li l-klijenti tagħha u l-familjari tagħhom jingħataw is-sapport meħtieġ speċjalment f’sitwazzjonijiet fejn għal dawn il-persuni vulnerabbli hu importanti ferm li jżommu ma’ rutina strutturata. L-ewwel webinar, li se jsir nhar it-Tlieta 28 ta’ April bejn is-14:00 u t-15:30, se jkun fil-fatt dwar kif il-familjari jistgħu jiżviluppaw rutina addatta għall-kuntest tagħhom u jitwieżnu permezz ta’ pariri professjonali. Dettalji dwar kif wieħed jista’ jsegwi din is-sessjoni jinstabu fuq il-media soċjali tal-Aġenzija Sapport.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva u l-Persuni b’Diżabilità Silvio Parnis qal li l-familjari qed jibqgħu jiġu segwiti permezz ta’ kuntatt online jew bit-telefown mill-Aġenzija.  Il-ġenituri huma mħeġġa sabiex jieħdu din l-opportunità u jsegwu b’mod regolari l-avviżi maħruġa mill-Aġenzija rigward dawn is-sessjonijiet. Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jikkuntattja lill-Aġenzija Sapport fuq 2256 8000.