Lokali
L-aġenzija Servizz.gov se jkollha kwartieri ġodda fil-Mosta

L-aġenzija Servizz.gov se jkollha kwartieri ġodda fil-Mosta, li se jiġu nawgurati fil-jiem li ġejjin. Waqt żjara li għamel fil-kwartieri l-ġodda, s-Segretarju Permanenti Ewlieni, Mario Cutajar, qal li f’ħames snin din l-aġenzija biddlet għalkollox il-kunċett ta’ kif is-Servizz Pubbliku jwassal is-servizzi tiegħu.

Is-Sur Cutajar semma kif minn ħames hubs reġjonali fil-bidu tiegħu, illum servizz.gov għandu 24 hub li kull wieħed minnhom iwassal 1,500 servizz taħt saqaf wieħed. Qal li fuq il-freephone 153, illum servizz.gov jirċievi mas-60,000 telefonata fix-xahar, meta mqabbla ma’ ħames snin ilu, dan is-servizz kien jirċievi elfejn telefonata fix-xahar. Spjega li dan minbarra s-servizzi governattivi miġburin f’sit elettroniku wieħed flimkien mal-formoli relevanti, kif ukoll il-mobile app maltapps li kompliet tagħmel is-servizzi tal-gvern aċċessibbli minn kullimkien 24 siegħa kuljum.

Is-Sur Cutajar semma wkoll it-tliet ċentri speċjalizzati ta’ servizz.gov li kull wieħed minnhom jiffoka fuq qasam partikolari, jiġifieri l-edukazzjoni, it-taxxa u l-familja. Il-kap taċ-ċivil qal li s-suċċessi ta’ servizz.gov se jkomplu jiżdiedu fiż-żmien li ġej biex is-Servizz Pubbliku jwassal servizz ta’ eċċellenza lill-klijenti tiegħu.