Lokali
L-Aġenzija S&P tikkonferma r-rating ta’ Malta fil-livell ta’ A- bi prospetti stabbli

L-aġenzija internazzjonali Standard & Poor’s ikkonfermat lil Malta fi klassi ‘A’. Ir-rating tal-pajjiż inżamm fil-kategorija A-, bil-prospetti tal-ekonomija Maltija nżammu wkoll fil-livell stabbli, kif kienu fl-aħħar xhur sa minn meta bdiet il-pandemija tal-Coronavirus. L-esperti tal-aġenzija qegħdin ibassru li anke jekk l-irkupru fit-turiżmu hu bil-mod, l-ekonomija Maltija din is-sena tikber b’rata ta’ 5% u bi kważi 6% is-sena d-dieħla.

F’rapport dwar Malta, l-ekonomisti tal-aġenzija internazzjonali ta’ kreditu Standard & Poor’s qalu li f’ekonomija żgħira u miftuħa ddominata mis-servizzi, Malta tibqa’ sensittiva għall-iżviluppi ekonomiċi li jkunu qed iseħħu madwar id-dinja. Dwar it-turiżmu, jistennew li jridu jgħaddu mill-anqas sentejn oħra biex il-wasliet tat-turisti f’Malta jiġu għal kif kienu fl-2019, b’ħafna jiddependu fuq it-tilqim madwar id-dinja, l-impatt ta’ varjanti ġodda tal-virus li jistgħu jiżviluppaw u r-restrizzjonijiet. Minkejja li t-turiżmu qed jirkupra bil-mod, huma jbassru li l-ekonomija Maltija se tirkupra b’mod gradwali tant li din is-sena mistennija tikber b’rata ta’ 5% u 5.9% is-sena d-dieħla. Dan mistenni jkun dovut l-aktar għall-konsum privat u l-fondi tal-Unjoni Ewropea. Jgħidu li dan mistenni jiġri għax l-attività domestika tiżdied u r-restrizzjonijiet tal-imxija jkomplu jonqsu.

L-esperti ta’ Standard & Poor’s żiedu jgħidu li l-politika ekonomika li ħaddan il-Gvern Malti sa mill-bidu tal-pandemija evitat l-għeluq ta’ ħafna negozji u t-telf ta’ impjiegi waqt li kienet ta’ sostenn biex ir-rota ekonomika kompliet iddur. Mill-banda l-oħra jikkummentaw li d-dgħufija ta’ ċerti istituzzjonijiet itappnu r-reputazzjoni ta’ Malta tant li f’Ġunju li għadda l-FATF poġġiet lil Malta fuq il-lista l-griża. Saħqu li Malta għandha tindirizza dawn in-nuqqasijiet fi żmien raġjonevoli. Innutaw li f’Mejju l-Moneyval għaraf li Malta għamlet progress sinifikanti u spjegaw li filwaqt li din l-istituzzjoni teżamina l-qafas li pajjiż għandu biex jiġġieled il-ħasil tal-flus, l-FATF tara kemm pajjiż qed ikun effettiv f’dan ir-rigward.

Dwar id-defiċit, l-ekonomisti ta’ Standard and Poor’s ibassru li din is-sena se jibqa’ għoli minħabba l-iskemi ta’ għajnuna lin-negozji u biex jitħarsu l-impjiegi. Żiedu jgħidu li kemm għax nibdew noħorġu mill-isfidi tal-pandemija u anke għaliex dawn l-iskemi ma jkunx hemm aktar bżonnhom, jaħsbu li mis-sena d-dieħla d-defiċit jibda jonqos.

S&P Ratings żammet il-prospetti għal Malta fil-livell stabbli għax temmen li effett ta’ politika effettiva, il-pajjiż se jilqa’ għall-effetti fit-tul tal-pandemija fuq l-ekonomija u l-finanzi pubbliċi.