Lokali
AĠĠORNAT: L-aġenziji ta’ kreditu DBRS u Moody’s jgħollu r-rating ta’ Malta

Żewġ aġenziji tal-credit ratings, id-DBRS u Moody’s, f’rapporti separati għollew il-credit rating ta’ Malta. L-aġenzija Kanadiza DBRS tat għall-ewwel darba ir-rating ta’ A bi prospetti stabbli lil Malta. L-aġenzija qalet li dan it-titjib fir-rating huwa bbażat fuq il-fatt li l-livell tad-dejn tal-gvern qabad xejra ‘l isfel minħabba t-tkabbir ekonomiku u prospetti ta’ tkabbir li ser ikompli jikkontribwixxi għal bilanċ pożittiv.

Mill-banda l-oħra Moody’s għall-ewwel darba f’aktar minn erba’ snin irrevediet il-prospetti għar-rating ta’ Malta minn ‘A3 stabbli għal ‘A3 b’xejra pozittiva’.

L-ekonomisti tal-aġenzija DBRS qed ibassru li sal-2022, id-dejn tal-Gvern ser ikun 7% inqas milli kien mistenni u huwa stmat li ser ikun ta’ madwar 41% tal-prodott domestiku gross. Żiedu jgħidu li s-sena li għaddiet il-miri tal-Gvern Malti intlaħqu u nqabżu. L-aġenzija qalet li r-rating ta’ Malta fil-livell A huwa dovut ukoll minħabba li l-pajjiż huwa fiż-żona Ewro.

L-ekonomisti elenkaw dak li qiesu bħala l-aspetti li jagħmlu l-ekonomija Maltija vulnerabbli, fosthom il-garanziji fuq is-self tal-intrapriżi statali kif ukoll li l-ekonomija Maltija tiddependi minn fatturi barranin. Magħhom żiedu wkoll il-pressjoni tal-pensjonijiet u l-ispiża tal-qasam tas-saħħa.

Madankollu qalu li l-ekonomija Maltija qed tkompli tissorprendi b’riżultati u tkabbir ekonomiku li huwa kważi tliet darbiet aktar mill-medja tal-Unjoni Ewropea. Ir-rapport tal-aġenzija DBRS jattribwixxi dan kemm għall-industrija tal-gaming, għat-turiżmu u għall-industriji tas-servizzi li qed jiġġeneraw l-impjiegi.

L-ekonomisti qalu li jistennew li l-ekonomija Maltija ser tkompli tikber bir-rata ta’ madwaar 5% sal-2020. Iż-żieda fl-impjiegi u l-proġetti infrastrutturali biex ikunu indirizzati ċerti defiċjenzi, filwaqt li l-livell tal-pagi ras għal ras ser ikomplu joqorbu lejn il-medja tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.

L-ekonomisti jwissu li l-inċertezzi tal-Brexit, il-politika Amerikana u l-isforzi tal-Unjoni Ewropea biex ikun hemm sistema waħda tat-taxxa għal pajjiżi membri jistgħu sa ċertu punt inaqqsu l-attrazzjoni ta’ Malta għall-investiment. L-istess jgħodd għal regolamenti li jistgħu jxekklu l-industrija tal-gaming. L-aġenzija iżda tat ċertifikat tajjeb għat-tmexxija ekonomika u fiskali li wasslet għal bilanċ fil-budget tal-Gvern.

Ir-rapport jikkumenta wkoll dwar l-istabbilità politika, il-governanza u l-istituzzjonijiet. Jgħid li l-Gvern qed jieħu passi biex isaħħaħ il-qafas istituzzjonali. Josserva wkoll li l-investigazzjonijiet u l-proċeduri fil-Qorti huma indikazzjoni tal-bżonn ta’ tisħiħ fil-qasam tal-governanza.

L-aġenzija Moody’s qalet li tejbet il-prospetti għar-rating ta’ Malta fuq il-bażi li l-Gvern tejjeb il-finanzi tiegħu u issa għandu bilanċ, waqt li rażżan ukoll id-dejn u l-garanziji fuq id-dejn. L-aġenzija waqt li nnutat il-bilanc fil-finanzi tal-Gvern qalet li parti mit-titjib kien dovut għad-dħul mill-programm ta’ ċittadinanza b’investiment, iżda l-akbar żieda fid-dħul tal-Gvern kienet ġejja mit-tkabbir ekonomiku sostenibbli. L-ekonomisti ta’ Moody’s ikkumentaw, fost oħrajn, li jekk dal-pass ekonomiku ta’ Malta jissokta, l-aġenzija tkun tista’ tgħolli r-rating ta’ Malta għal livell ta’ A2.

Ir-rapport jgħid li s-sena l-oħra l-ekonomija Maltija kibret bi tliet punti perċentwali aktar milli mistenni. Il-Moody’s innotat ukoll diversi riformi li saru, fosthom fis-suq tax-xogħol, li wasslu għal rata tal-qgħad li naqset għal livell rekord, kif ukoll il-progress li Malta għamlet biex żiedet l-effiċjenza bid-diversifikazzjoni fis-suq tal-enerġija. Moody’s ukoll jikkumentaw b’kawtela fuq id-dħul mill-programm taċ-ċittadinaza.

Waqt li l-aġenzija temmen li Malta ser issostni dan ir-rating u tista’ ttejbu wkoll, twissi li r-rating jista’ jiġi rivedut ‘l isfel jekk tirriżulta prova ta’ korruzzjoni jew li tnaqqret is-saltna tad-dritt, jew inkella l-pajjiż ikollu xokkijiet fis-sistema finanzjarja tiegħu.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Inqas minn tliet xhur wara li ġie fi tmiemu s-Sinodu tal-Isqfijiet dwar iż-Żgħażagħ, eluf ta’ żgħażagħ qed jinġabru fil-Panama għall-Jum Dinji taż-Żgħażagħ. Il-Papa Franġisku jasal il-Panama għada bil-qofol taċ-ċelebrazzjonijiet jintlaħqu…

Ikel

Fl-isfond tal-kontroversja li bdiet wara s-servizz tal-aħbarijiet ta’ TVM mal-Imam Mohammad Elsadi, dwar il-qtil tal-annimali bir-ritwal Musulman, komplejna nsegwu l-kwistjoni. Mhux eskluż li l-qtil tal-annimal bis-sistema tal-halal, għalkemm mhux isir…

Trasport

Is-sidien tal-pompi tal-petrol bdew b’azzjonijiet industrijali minħabba nuqqas ta’ ftehim mal-Gvern dwar it-talba għal żidiet fil-qligħ tagħhom. L-azzjoni ewlenija hi li l-pompi mhux se joffru s-servizz mill-magni awtomatiċi wara s-sitta…

Familja

Matul is-sena li għaddiet kien hemm xejn inqas minn 1,303 koppji li żżewġu fuq cruise liner li jtajjar il-bandiera Maltija. Din l-informazzjoni ngħatat fil-Parlament mill-Prim Ministru Joseph Muscat għall-mistoqsija tad-Deputat…

Aktar