Ekonomija u Finanzi
AĠĠORNAT: L-aġenzija ta’ kreditu Fitch tikkonferma l-Malta mal-pajjiżi fil-klassifika A+

L-aġenzija internazzjonali Fitch Ratings ikkonfermat lil Malta mal-pajjiżi b’rating fil-livell ta’ A+, bi prospetti stabbli. L-inċertezza li Fitch kellhom fuq it-tbassir għal Malta fl-aġġornament ta’ qabel, issa nbidel f’wieħed fejn l-ekonomisti qed jgħidu li filwaqt li r-riskji ta’ tkabbir għadhom hemm, huma aktar bilanċjati. Fl-istess waqt qegħdin ibassru li l-andament ekonomiku ta’ Malta din is-sena ser ikun 2.1% aħjar mill-medja fil-pajjiżi taż-żona Ewro.

Ir-rapport tal-aġenzija internazzjonali ta’ kreditu Fitch Ratings sar fil-kuntest tal-effetti li l-pandemija ħallet fuq l-ekonomiji madwar id-dinja. Ir-restirzzjonijiet fuq l-ivjaġġar u l-effetti tal-covid-19 fuq it-turiżmu wassal biex l-aġenzija rrevediet it-tbassir tagħha għall-Prodott Domestiku Gross. Waqt li sa xahrejn ilu Fitch qalet li din is-sena dan mistenni jonqos b’5.9 %, issa qed tbassar li t-tnaqqis se jkun ta’ 6.9%.

L-aġenzija rrimarkat ukoll dwar id-daqqa fl-industrija tat-turiżmu fit-tieni kwart ta’ din is-sena wara l-għeluq tal-ajruport għal titjiriet kummerċjali għal aktar minn tliet xhur. L-aġenzija tistenna li tul il-kumpalment tas-sena s-settur jkompli fit-triq biex jirkupra iżda bil-mod. Qed tbassar li sa sentejn oħra, il-wasliet tat-turisti u l-akkomodazzjoni fil-lukandi se jibqgħu anqas mir-riżultati li Malta kellha fit-turiżmu s-sena li għaddiet. Ikkummentat li l-vawċers li se jagħti l-gvern li bihom jinċentiva l-infieq f’turiżmu intern se jkollhom effett limitat billi t-turiżmu minn barra jirrappreżenta 97% tal-akkomodazzjoni turistika.

Minkejja d-dipendenza tal-ekonomija Maltija fuq it-turiżmu, l-ekonomisti ta’ Fitch Ratings qegħdin ibassru li l-impatt tal-pandemija fuq Malta ser ikun anqas minn dak tal-pajjiżi fiż-żona Ewro. Jgħidu li l-andament ekonomiku din is-sena se jkun 2.1% aħjar mill-medja taż-Żona Ewro. Kif mistenni kawża tal-pandemija, il-bilanċ fil-finanzi pubbliċi se jkun negattiv kawża ta’ dħul anqas għall-gvern u infiq addizzjonali fuq il-pakketti finanzjarji implimentati mill-gvern biex iwieżen id-dħul tal-familji u n-negozji. Fitch qed tistma li minn sitwazzjoni ta’ surplus is-sena li għaddiet, din is-sena l-gvern ikollu deficit ta’ 9.2% tal-prodott domestiku gross.

Skont Fitch, is-sostenn li qed jagħti l-gvern fiċ-ċirkustanzi straordinarji li żviluppaw effett tal-pandemija ilaħħaq aktar minn 10% tal-ġid nazzjonali. L-ekonomisti tal-aġenzija jbassru li f’temp ta’ sentejn l-attività ekonomika se tkun rrankat biżżejjed biex id-deficit li jkun inħoloq jerġa’ jigi fil-livell stipulat mir-regoli ta’ Maastricht. Il-likwidità għolja tal-banek Maltin hu punt b’pożittv f’għajnejn l-esperti ta’ Fitch li jqisuh bħala sinjal tas-saħħa tas-sistema finanzjarja.

Waqt li Malta baqgħet fil-klassifika tal-pajjiżi A+, mindu faqqgħet il-pandemija l-Aġenzija Fitch niżżlet ir-rating tar-Renju Unit minn AA għal AA- bi prospett negattiv, naqqset ukoll ir-rating tas-Slovakkja minn A+ għal A, u naqqset il-prospetti ta’ Franza, il-Belġju, il-Latvja u r-Rumanija minn stabbli għal negattiv.

Aħbarijiet Oħra
Settur Marittimu

Fl-aħħar snin Malta żviluppat industrija fil-baħar: it-trobbija tat-tonn f’gaġeġ kbar ftit ‘l barra mill-kosta. Industrija li b’mod dirett qed timpjega madwar 300 ħaddiem u aktar minn 1,100 b’mod indirett. Jordan Cutajar…

Lokali

Beda tħaffir għall-bini tal-pedamenti ta’ Triq Għeriexem fir-Rabat . . . triq passaġġa li minn ħdejn il-Villa Rumana tagħti għal żoni oħra f’din il-lokalità bħad-diversi rħajjel fil-kampanja u biex tasal…

Lokali

Il-Gvern alloka aktar minn żewġ miljun ewro għal skema maħsuba biex tgħin lill-industrija marittima tirpilja mill-effetti ekonomiċi li ġarrbet waqt il-pandemija. L-iskema ta’ rifużjoni għall-ħlasijiet tal-port taħseb biex jonqos il-piż…

COVID-19

Kull ma jmur iktar pajjiżi qed jimponu l-ilbies obbligatorju tal-maskra f’postijiet pubbliċi. Ir-regola tal-użu tal-maskra hija waħda mill-aktar stretti fl-Ewropa. F’Malta mhux b’inqas. Bil-liġi, il-maskra trid tintlibes bilfors f’ħames postijiet…

Aktar