Droga
L-Aġenziji li jaħdmu mal-vittmi tad-droga ma jaqblux li l-kannabis tkun legalizzata għal skop rikreattiv

L-Aġenziji li jaħdmu mal-vittmi tad-droga fosthom is-Sedqa u l-Caritas huma tal-fehma li l-użu rikreattiv tal-kannabis m’għandux ikun promoss għax ikattar il-kultura favur l-abbuż tad-droga. Din il-fehma intweriet waqt il-programm Dissett li fil-jum dinji kontra l-abbuż u t-traffikar tad-droga, iddiskuta mal-esperti x-xenarju lokali fil-ġlieda kontra l-abbuż tad-droga.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali Alfred Grixti qal fil-programm Dissett li l-Fondazzjoni ma taqbilx mal-idea li tkun legalizzata l-kannabis għal skop rikreattiv.

“Aħna ma naqblux mar-recreational use. Aħna din għednieha fejn kellna ngħiduha. Aħna ma nistgħux naqblu għax imur kontra l-ispirtu għalxiex twaqqafna” qal Alfred Grixti.

Madankollu fil-programm ħareġ li hemm appoġġ li l-użu tad-droga jiġi dikriminalizzat.

Is-sur Grixti u d-Direttur tal-Caritas Anthony Gatt stqarrew li kien hemm riżultati pożittivi bl-emendi fil-liġi li saret dwar il-pussess ta’ kwantità żgħira tad-droga għall-użu personali.

Iċ-Chairman kliniku tas-servizzi tas-saħħa mentali, il-psikjatra Anton Grech, waqt li sostna li l-problema tad-droga qed tikber, innota li f’Malta hawn servizzi fost l-aqwa fl-Ewropa għal min irid jieqaf mid-droga.

Dr Grech stqarr li l-emendi fil-liġi dwar id-drogi sintetiċi huma pass fid-direzzjoni t-tajba iżda stqarr it-tħassib tiegħu dwar dwar dawn id-drogi ġodda fis-suq. “Ġieli kellna nies li waqqfulhom il-kliewi. Kelli klijenti ta’ età żgħira li tahom stroke ikrah minħabba d-droga sintetika. L-effetti mentali huma koroh ħafna għax int titlef il-kontroll ta’ ġismek”.

Id-Direttur tal-Caritas faħħar id-dixxiplina li daħlet fil-ħabs u qal li din wasslet għal tnaqqis tad-droga hemmhekk. “Naħseb li qed jiġri fil-ħabs huwa ta’ eżempju għas-soċjetà tagħna. Id-dixxiplina trid tkun b’imħabba u intenzjoni li jien biex ngħinek u biex nitla’ fuq rasek. L-awtoritajiet tal-ħabs qed jimxu b’dan l-approach għax ma jridux lil dawn in-nies jerġgħu jidħlu l-ħabs”.

Fil-programm Dissett tkellmu wkoll żewġ vittmi tal-vizzju tad-droga, dwar kif daħlu fiċ-ċirku vizzjuż u kif illum ħarġu minnu bl-għajnuna tal-programm ta’ rijabilitazzjoni tal-Caritas f’San Blas.

Ara wkoll:

“L-akbar rimors li għandi hu li nqast lil uliedi” – raġel li għeleb il-vizzju tad-droga

Aħbarijiet Oħra
Budget

Il-Prim Ministru Joseph Muscat ħabbar li l-Gvern xtara Villa G’Mangia fejn kienet tgħix ir-Reġina biex fiha isir proġett turistiku. Waqt li wieġeb għall-kritika tal-Kap tal-Oppożizzjoni għall-baġit, Dr Muscat żvela li…

Immigrazzjoni

Il-President Emeritu, Marie Louise Coleiro Preca, qalet li s-soċjetà Maltija għandha tagħmel dak kollu possibbli biex toħnoq id-diskors ta’ mibegħda. Hija kienet qed titkellem fid-dawl ta’ rapport minn The Times…

Sport

Matul it-tliet ijiem li ġejjin, l-atleti u l-uffiċjali ta’ Special Olympics Malta se jingħataw taħriġ minn ex Champion Olimpika Amerikana tal-għawm, Donna de Varona u tliet mibgħuta speċjali tal-isport mill-Istati…

Parlament

Illejla fil-Parlament qed isir id-diskors tal-Prim Ministru Joseph Muscat b’reazzjoni għall-baġit. Dan wara li lbieraħ sar id-diskors tal-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia. Id-diskors tal-lum qed jixxandar dirett fuq l-istazzjon TVM u fuq…

Aktar