L-Aġir provokanti fuq il-midja soċjali, jaf qed jinstiga ċertu diskors jew azzjoni?

Dan l-aħħar rajna diversi ritratti u videos provokanti fuq il-midja soċjali speċjalment fuq tik tok u instagram. Jista’ jkun li dan l-aġir qed iwassal biex persuna tirċievi kummenti mhux xierqa jew attenzjoni żejda li ma tkunx mixtieqa? Fuq il-midja soċjali qed isir ħafna iktar komuni li naraw persuni ta’ kull età, nisa u rġiel li jesponu lilhom infushom b’mod eċċessiv. Minn jum għal jum jidhru saħansitra minuri jiżfnu jew jagħmlu mossi provokanti b’ilbies skullat li ma jħalli xejn għall-immaġinazzjoni ta’ dak li jkun. Popolin iddiskuta.

Tkellimna ma’ Josephine Muscat, Operations Manager fi ħdan il-Kura għall-Vittmi ta’ Attakk Sesswali li saħqet li ma taqbilx ma’ dan l-aġir li jippromwovi l-kultura ġdida li qisu ma fiha xejn ħażin li persuna tikxef nofs ġisimha fuq il-midja soċjali u tagħmel mossi provokanti biex tiġbed l-attenzjoni, biss dan ma jfissirx li persuna li tesponi ruħha għandha tirċievi xi forma ta’ abbuż sesswali. “La persuna ma tagħtix kunsens, ħadd ma għandu jaħseb li għandu dritt li jabbuża minn xi ħadd irrispettivament mill-aġir tal-persuna fuq il-midja soċjali”. Mistoqsi mill-preżentatur jekk l-instigazzjoni u l-provokazzjoni għandhomx ikunu kontrollati biex jiġi evitat l-abbuż, Muscat spjegat li dejjem ikun għaqli li nikkontrollaw il-provokazzjoni biss ma jfissirx li għax persuna qed turi xi ħaġa, xi ħadd għandu dritt jeħodha.  “Għandna nkunu maturi biżżejjed li ma naslux sa hemm”.

Jessica Calleja Millo, Direttur ta’ Victim Support Unit Malta saħqet li l-intenzjonijiet ta’ persuna li taġixxi b’dan il-mod fuq il-midja soċjali huma li tiġbed l-attenzjoni u mhux xi forma ta’ invit għal xi ħaġa iktar.

Minn naħa l-oħra l-Ispettur Joseph Busuttil ġab l-eżempju ta’ kartiera fuq mejda, mimlija flus. Tenna li għalkemm il-kartiera tkun fuq il-mejda li hija aċċessibbli għal ħafna, ħadd ma għandu d-dritt jeħodha jekk mhux sidha. “Stedina tibqa stedina, hija xi ħaġa ċara. Jekk persuna ma tagħtix kunsens għal xi ħaġa ulterjuri, tfisser li ma tridx”.